Lokali

Toni Abela se jibqa’ konsulent ta’ Joseph Muscat u se jibqa’ jattendi għall-laqgħat tal-kabinett

Toni Abela se jibqa’ konsulent ta’ Joseph Muscat u se jibqa’ jattendi għall-laqgħat tal-kabinett. Dan ikkonfermah il-Prim Ministru u Mexxej Laburista stess waqt sessjoni ta’ mistoqsijiet fil-konferenza ġenerali annwali tal-Partit Laburista

Joseph Muscat qal li kien hu li offra n-nomina għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri lil Toni Abela u baqa’ jinsisti li Toni Abela m’għaddiex mit-test tal-Parlament Ewropew għaliex kien hemm min ħadem kontrih.

Dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama Joseph Muscat qal li hu diżappuntat dwar dak li ġara. Dan minkejja li Muscat baqa’ jiddefendi kemm lil Konrad Mizzi kif ukoll lil Keith Schembri u rrifjuta sejħiet minn diversi naħat biex ineħħiehom minn Ministru u Chief of Staff rispettivament.

Il-Mexxej Laburista kien mistoqsi wkoll dwar l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li qed juru li ż-żewġ partiti huma kważi ras imb’ras. Hu qal li hu normali li l-popolarita’ tonqos lejn nofs il-leġislatura. Muscat qal li hu jilqa’ dan l-istħarriġ għaliex issa ħadd ma jidħak bih meta jgħid li hu l-underdog.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li dalgħodu, Joseph Muscat qabbad xi ftit nies isaqsuh mistoqsijiet biex iweġibhom. Madanakollu, Muscat mistoqsija waħda għandu jwieġeb.

Il-mistoqsija li qed jistaqsieh il-poplu Malti u Għawdxi kollu hi: x’inhi l-veru raġuni li għadu ma keċċiex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi?

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li qabel iwieġeb dik il-mistoqsija, l-mistoqsijiet l-oħra kollha jkunu reċta bħalma kien il-video tal-Ewwel tas-Sena.