Lokali Parlament

Keċċi lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella fil-Parlament lill-Prim Ministru jagħmel dak li hu fl-aħjar interess tal-pajjiż u jkeċċi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri.

Illejla fil-Parlament, Simon Busuttil qal li fil-Parlament assistejna għal waħda mill-aktar stqarrijiet ministerjali surreali li saru mill-Prim Ministru Muscat fl-aħħar tliet snin. Fisser bħala surreali kif il-Prim Ministru, fuq dak li kien żvelat mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi, ippretenda li dak li kien żveat fuq il-Panama Papers, xejn mhu xejn u jagħmel prietka dwar kemm jemmen fit-trasparenza.

PM li f’seba’ ġimgħat ma ħa ebda azzjoni kontra l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja
“Ma nemmnukx meta tiġi hawn u titkellem fuq it-trasparenza”, saħaq Simon Busuttil, li staqsa kif il-Prim Ministru ma jistħix mill-poplu, minn sħabu l-Ministri u d-deputati, u mill-Parlament meta ilu seba’ ġimgħat ma jieħu ebda azzjoni wara li nkixef kif il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, għandhom kumpanija sigrieta n-naħa l-oħra tad-dinja.
Simon Busuttil sejjaħ dawn l-affarijiet bħala gravi u serji, u li l-poplu u l-Oppożizzjoni huma rrabjati dwarhom.

Ħsara kbira lis-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna
Dwar il-qasam tas-servizzi finanzjarji, Simon Busuttil qal li saret ħsara kbira mill-Gevrn meta ma ddefendiex dan is-settur fl-aħħar seba’ ġimgħat. Esprima t-tama li l-ħsara mhix irriperabbli wara li ddgħajfet is-saħħa tas-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ pajjjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar f’dak li kien qal il-Prim Ministru meta faqqa’ l-każ tas-Swiss Leakes, meta kien qal li jekk politiku jinqabad fuq Swiss Leaks jitneħħa, u llum fuq Panama Leaks u Panama Papers l-istess Prim Ministru mhu qed jieħu ebda pożizzjoni.

Simon Busuttil qal li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru għandha l-ewwel tkun ċara mal-poplu Malti, u mhux jaħrab mill-poplu, idur mal-lewża u jaħrab mill-media kif ilu jagħmel għal seba’ ġimgħat sħaħ.

Il-Gvern qiegħed jigdeb
Akkuża lill-Gvern li qiegħed jigdeb. Saħaq li l-Ministru Konrad Mizzi gideb lill-Kummissarju tat-Taxxi għax ma ddikjarax trust li kellu l-obbligu li jiddikjara mal-Kummissarju. Il-Prim Ministru gideb ukoll meta qal li l-Ministru Konrad Mizzi diġà ħallas multa għal dan, u wara qal li forsi għad irid iħallas.

Il-Ministru Konrad Mizzi gideb ukoll lill-gazzetta Malta Today li qalilha bit-trust fi New Zealaned u ħeba l-kont tal-Panama.
Il-Ministru Konrad Mizzi gideb ukoll meta qal li għandu €92, u staqsa b’min irid jitmejjel Konrad Mizzi li gideb ukoll meta qal li se jpoġġi l-proprjetà tiegħu fit-trust meta l-proprjetà ma tistax titpoġġa. Il-Prim Ministru gideb ukoll meta qal li dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi kien kollox iddikjarat għax xejn ma kien iddikjarat.

“Illum il-Ministru Mizzi ma jistax jiġi emmnut”, saħaq Simon Busuttil li staqsa lill-Prim Ministru kif għadu ma ndejnax ruħu jiknes lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, u għaliex għadu m’għamilx dan.

Tixħim u korruzzjoni
B’rabta ma’ dak li kien żvelat ukoll dwar kontijiet li riedu li jinfetħu f’żewġ pajjiżi differenti għal management u senserija meta dawn huma uffiċjali tal-Gvern, Simon Busuttil qal li jiftaħ dawn il-kontijiet min jieħu senserija. Sejjaħ dan bħala tixħim u korruzzjoni. Staqsa xinhi din is-senserija ta’ Ministru waqt li hu membru tal-Gvern?

L-Oppożizzjoni trid lill-Prim Ministru jagħmel dak li hu fl-aħjar interess tal-pajjiż u jkeċċi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Appella lill-membri parlamentari tal-Gvern u ministri, jagħmlu dak li hu ġust għaliex saħaq li hemm nies li huma ta’ unur u żgur li jemmnu li dak li qed jiġri hu ħażin. Appellalhom ukoll biex ma jibqgħux jassoċjaw ruħhom mal-koruzzjoni u l-ħażin għandu jibqa’ ħażin meta qed issir ħsara kbira lil pajjiżna.

Muscat jiddefendi lil Konrad Mizzi
Il-Prim Ministru qal fl-istqarrija tiegħu fil-Parlament, li għaddej proċess ta’ awditjar indipendenti fuq il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri. Iddefendihom ukoll billi qal li dak kollu li kien żvelat fil-Panamana Papers hu konformi ma’ dak li ġie żvelat.

Muscat tenna li se jħalli l-investigazzjonijiet jintemmu qabel ma jieħu deċiżjoni. Filwaqt li qal li jekk jirriżulta li ma qalux il-verità, inneħħihom , appella lill-Parlament jisma’ lill-Ministru Konrad Mizzi li qal li għandu jingħata ċans iwieġeb. Tenna wkoll li dak li kien żvelat mill-Konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali jikkonferma l-verżjoni li taw il-Ministru Mizzi u Keith Schembri.

Il-Prim Ministru qed jigdeb b’mod sfaċċat
Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru qed jigdeb b’mod sfaċċat għaliex il-verżjoni ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri mhix konformi ma’ dak żvelat mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti, u appella lill-Prim Ministru li għandu jkeċċihom.

Għall-mod kif l-Oppożizzjoni qed tirreaġixxi, Muscat qal li l-elezzjoni ġenerali se tiġi fi żmien tagħha, sentejn u nofs oħra, u kkritika l-iskema ta’ self imħabbra mill-Partit Nazzjonalista għax skont hu, hi skema biex tiġi evitata l-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Konrad Mizzi jsostni li se jkompli jaħdem fil-Gvern ta’ Muscat
Meta l-Prim Ministru ta ċans lill-Ministru Konrad Mizzi jitkellem fil-Parlament, qal li l-Panama documents jikkonfermaw l-informazzjoni li kien ta qabel. Spjega wkoll il-kliem li jirreferu għal senserija, bil-Ministru Konrad Mizzi jgħid li l-kelma senserija, intużat bħala “standard object”. Qal ukoll li l-kumpanija m’għandhiex flus u qatt ma nnegozjat.
Il-Ministru Konrad Mizzi tkellem ukoll kif hu se jkompli jaħdem fil-Gvern ta’ Muscat u li se jkun qed jitrippla l-impenn politiku tiegħu fit-twettiq tal-proġetti tal-Gvern.