Lokali Parlament

Persuna integra u serja li ħalliet marka wkoll fil-Parlament

Il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia fisser lill-eks-Deputat Nazzjonalista Albert Fenech, li fil-jiem li għaddew irriżenja minn membru parlamentari, bħala persuna integra u serja li ħalliet marka wkoll fil-Parlament.

Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, l-Ispeaker Anġlu Farrrugia poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra tar-riżenja ta’ Albert Fenech minn membru parlamentari.

Filwaqt li sellem il-ħidma parlamentari li wettaq Albert Fenech, Anġlu Farrugia spjega li l-ħidma tiegħu ħalliet marka wkoll fil-Parlament għax kien iwassal il-messaġġ tiegħu fil-qosor u rringrazzjah għall-istil uniku tiegħu waqt li kkummenta wkoll li l-preżenza tiegħu kellha ċertu portata.

Irringrazzjah ukoll għaliex poġġa fil-Parlament kuxjenza dwar is-saħħa tal-membri parlamentari kollha u llum, bl-inizjattiva tiegħu, il-Parlament għandu l-apparat mediku f’każ urġenti ta’ uġigħ fis-sider.

Anġlu Farrugia talab lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal dan il-messaġġ lill-eks-Deputat Nazzjonalista Albert Fenech.