Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzzjonalista Mario de Marco laqa’ l-appell u d-dikjarazzjoni qawwija li għamel fil-Parlament il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna quddiem l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers meta saħaq fuq il-bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi għal ġid ta’ pajjiżna. Mario de Marco appella biex aktar Ministri tal-Gvern jagħmlu l-pass kuraġġuż u jgħidu lill-Prim Ministru li din id-deċiżjoni iebsa trid tittieħed fl-interess ta’ pajjiżna.
Fl-istess dibattitu parlamentari tal-lejla li fih il-Ministru tal-Finanzi saħaq fuq il-bżonn li quddiem l-iskandlu tal-Panama Papers hu meħtieġ li jittieħdu d-deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi għal ġid ta’ pajjiżna, Mario de Marco apprezza u wiżen tajjeb id-diskors tal-Ministru tal-Finanzi li ħa l-ħin biex ma jitkellimx biss fuq l-Abbozz ta’ Liġi li qiegħed iressaq fil-Parlament biex jidħlu fis-seħħ direttivi Ewropej fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni u Shadow Minister għall-Finanzi, irrifera għal mod kif il-Ministru tal-Finanzi ħa l-ħin ukoll biex jitkellem fuq l-effett tal-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers fuq is-servizzi finanzjarji, u fuq il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru ta’ servizzi finanzjarji.
Aħbarijiet fil-midja internazzjonali li qed jimminaw ir-reputazzjoni ta’ Malta
Mario de Marco fisser il-ħsara li qed issir lil pajjiżna fil-midja, websajt, u gazzetti internazzjonali meta qed jissemma li fost dawk in-nies b’kumpanija fil-Panama hemm il-Ministru tal-Gvern Malti, Konrad Mizzi.
Fisser li din l-aħbar mhix tagħti ġieħ lil pajjiżna iżda qed timmina r-reputazzjoni u l-kredibbiltà li għandna bżonn bħala pajjiż serju, demokratiku u Ewropej li ma jridx li s-settur finananzjarju jiġi assoċjat ma’ pajjiżi li huma tax haven.
Fisser li l-Oppożizzjoni tilqa’ kliem il-Ministru tal-Finanzi għax saħaq li dan mhux mument ta’ partiġjaniżmu iżda mument li fih irridu niktellmu b’vuċi kuraġuzża fl-interess tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna u tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha ta’ kull twemmin politku.
Kliem il-Ministru Scicluna, saħaq Mario de Marco, ma jfissirx li pajjiżna jibqa’ għaddej business as usual għax jekk isir dan ma jkunux qed jittieħdu d-deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi kif ilha tappella l-Oppożizzjoni għal dawn l-aħħar seba’ ġimgħat lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet.
Kieku l-Gvern ħa l-pariri seba’ ġimgħat ilu Malta ma kinitx tiżżeffen fl-iskandlu tal-Panama Papers
“Kieku l-Prim Ministru seba’ ġimgħat ilu ħa l-pariri biex jieħu d-deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi, kieku llum isem Malta mhux qed jiżżeffen fuq il-midja internazzjonali u llum hu l-uniku pajjiż fl-UE b’Ministru fl-iskandlu tal-Panama Papers”, qal il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco.
Appella biex kliem il-Ministru Scicluna ma tisimgħux biss l-Oppożizzjoni li kienet ilha tgħidu u se tkompli tgħidu mhux għal punti politiċi iżda fl-interess nazzjonali u fl-interess tal-istess ġid ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Mizzi għandu jieħu l-eżempju tal-PM Iżandiż u jirriżenja
B’rabta mar-riżenja tal-Prim Ministru tal-Iżlanda li wkoll issemma b’kumpanija fil-Panama fl-iskandlu żvelat tal-Panama Papers, Mario de Marco qal li r-riżenja ma saritx għaliex għamel xi ħaġa skorretta iżda għal raġunijiet etiċi u politiċi.
Appella lill-Ministru Konrad Mizzi jieħu hu wkoll it-tagħlima u flok ma jiddefendi lilu minn aspett legali, jagħmel dak li għandu jagħmel kull Ministru u deputat li jirrappreżenta r-reputazzjoni tal-pajjiż u aktar meta wieħed ikun Ministru tal-Gvern li qed jirrappreżenta l-istat ta’ pajjiżna.
Appella wkoll biex it-tensjoni politika f’pajjiżna tispiċċa darba għal dejjem u jibda jirrenja s-sens ta’ normalità. Mario de Marco saħaq li dan jibda jsir meta jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi li għal ħafna nies huma normali minkejja li jkunu iebsa.
Mario de Marco appella li jekk il-Ministru Konrad Mizzi jemmen li m’għamel xejn ħażin, għandu jkun jaf li bħala konsegwenza ta’ dak li għamel, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u x-xogħol tal-ħaddiema qed jiġi mtappna.
Il-PM għandu jieħu d-deċiżjonijiet hu llum qabel għada
Appella lill-Ministru Konrad Mizzi jieħu d-deċiżjonijiet iebsa u jekk mhux se jeħodhom hu, għandu jeħodhom il-Prim Ministru llum qabel għada għal ġid tal-ħadidema, tal-ekonomija u ta’ pajjiżna.
Mario de Marco saħaq li ċ-ċavetta tas-suċċess tas-settur tas-servizzi finanzjarji, li jħaddem 10,000 persuna u li jikkontribwixxi ‘l fuq mit-13% tal-Prodott Gross Domestiku, jiddependi fuq ir-reputazzjoni serja, fuq il-kredibbiltà ta’ pajjiżna, u fuq kemm il-partiti fil-Parlament jirnexxielhom jilħqu kunsens politiku li tissarraf fi stabbilità tas-settur tas-servizzi finanzjarji.
//= $special ?>