Internazzjonali

Bliet prinċipali fl-Ewropa ‘fil-mira tal-ISIS’

It-terroristi tal-ISIS, permezz ta’ filmat, għadhom kemm heddew mewġa ġdida ta’ attakki terroristiċi fuq l-istess livell ta’ dawk f’Novembru, li ħallew għexieren ta’ vittmi f’Pariġi, il-kapitali ta’ Franza.

L-ISIS, f’dan il-video, qalu li l-ibliet prinċipali ta’ Londra, Ruma u Berlin ‘jinsabu fil-mira tagħhom’. Dan meta l-filmat inkwistjoni juri dehriet diġitali tal-bini tal-Parlament Britanniku u t-Torri Eiffel ta’ Pariġi qed jinqerdu, flimkien ma’ inċidenti waqt l-imsemmija attakki ta’ Pariġi u waqt it-terroriżmu ta’ jiem ilu li laqat il-qalba ta’ Brussell, fil-Belġju.

L-ISIS qal, fil-messaġġ, li l-attakki terroristiċi preċedenti kienu biss ‘messaġġ lill-infidili’ u li ‘il-mira, ’il quddiem, għandha tkun Londra, Berlin jew Ruma’.

Il-filmat juri wkoll monumenti magħrufa, fl-Ewropa, fosthom il-Kolossew ta’ Ruma, li f’dan il-każ jidher flimkien ma’ dehriet ta’ esekuzzjonijiet ta’ persuni fis-Sirja u l-Iraq.

It-theddida f’dan il-filmat ġdid ħarġet ġimgħa wara li l-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, wissa li l-ISIS kien lest juża ‘kull materjal li jista’ jsib’ għall-attakki fuq il-Punent’.