Lokali

Dimostrazzjoni Nazzjonali nhar il-Ħadd li ġej wara nofsinhar quddiem Kastilja: “Jew tkeċċihom jew barra kollha”

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq li nhar il-Ħadd li għadda, faqqa’ madwar id-dinja kollha l-akbar skandlu internazzjonali ta’ korruzzjoni u kriminalità fl-istorja. F’dak li ħareġ nhar il-Ħadd hemm fatti ġodda fuq dak li konna nafu diġa dwar il-Ministru Konrad Mizzi u dwar il-Kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Il-fatti ġodda huma dawn:

FATT NUMRU 1: L-impatt internazzjonali: Il-Panama Papers qajmu furur internazzjonali b’investigazzjonijiet u protesti b’numru ta’ pajjiżi. Ftit tal-minuti ilu, ħarġet l-aħbar li l-Prim Ministru tal-Iżlanda iriżenja wara li ssemma f’Panama Papers.

FATT NUMRU 2: Konrad Mizzi huwa l-uniku Ministru f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jissemma fost 140 politiku minn madwar id-dinja – inkluż nies b’rabtiet mal-President tal-Ażerbajġan, mal-President tas-Sirja u mal-eks dittaturi tal-Libja u tal-Eġittu. Il-ħsara li Konrad Mizzi għamel għall-isem ta’ pajjiżna hija ħsara inkalkolabbli.

FATT NUMRU 3: Konrad Mizzi, għal darb’ oħra, reġa inqabad jigdeb: kontra dak li ilu jgħid seba’ ġimgħat, issa irriżulta li fil-fatt, PROVA jiftaħ kont bankarju f’mill-anqas żewġ pajjiżi – fil-Panama u anki fid-Dubai. Ir-raġuni għaliex ma fetaħx kontijiet ma kienitx għax ma pruvax imma għax il-banek ma kienux sodisfatti li l-flus ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri ma kienux ġejjin minn korruzzjoni u ma kienux sodisfatti li l-flus għamluhom qabel – u mhux wara – li daħlu fil-poter.

FATT NUMRU 4: Konrad Mizzi kellu l-intenzjoni li jdaħħal is-senserija: Ġie żvelat ukoll li Konrad Mizzi u Keith Schembri riedu jiftħu kontijiet bankarji biex fihom ipoġġi senserija. Din hija l-akbar prova ġdida li għandna li f’dan kollu hemm riħa ta’ korruzzjoni għax m’hemmx dubju li Ministru jista’ biss idaħħal flus ta’ senserija b’tixħim u korruzzjoni. Nistenna li dan jiġi investigat mill-Pulzija bħala attentat ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil ta’ flus għax l-intenzjoni toħroġ bl-aktar mod ċar.

Ir-reazzjoni ta’ Joseph Muscat

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li rr-reazzjoni ta’ Joseph Muscat smajniha l-bieraħ fil-Parlament. Kienet reazzjoni bla sens ta’ Prim Ministru li tilef kull sens ta’ responsabbilita’. Joseph Muscat m’għandu l-ebda intenzjoni jagħmel dak li kulħadd jistennih jagħmel u cioe’ li jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u mhux talli hekk, talli ilu jiddefendihom seba’ ġimgħat sħaħ. Dan kollu jqajjem suspetti li Joseph Muscat huwa mdeffes magħhom.

Jidher ċar li Joseph Muscat huwa lest li jħalli l-pajjiż jegħreq miegħu. Imma jien mhux se nħalli lill-pajjiż jegħreq. Għalhekk qiegħed hawn illum. Ir-rabja tan-nies għal Konrad Mizzi u għal Keith Schembri issa nbidlet f’rabja għal Joseph Muscat.

Għaldaqstant illum qed inħabbar li se nsejjaħ Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzjoni għal nhar il-Ħadd li ġej, 10 t’April wara nofsinhar quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Berġa ta’ Kastilja.

L-għan tad-Dimostrazzjoni huwa li nagħtu spazju u nagħtu vuċi lin-nies għaliex inħossu li n-nies iridu jingħataw iċ-ċans li joħorġu u jgħidu tagħhom u jagħmlu l-parti tagħhom għaliex huma rrabbjati bis-sitwazzjoni li daħħluna fiha Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat.

Id-Dimostrazzjoni hija ta’ natura Nazzjonali u allura kulħadd huwa mistieden, inkluż nies li mhumiex parti mill-Partit Nazzjonalista u inkluż korpi kostitwiti, trade unions u għaqdiet tas-soċjeta’ ċivili.

It-tema tad-Dimostrazzjoni Nazzjonali se tkun ċara: Jew Tkeċċihom Jew Barra Kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lil kull min irid jiġġieled il-korruzzjoni u jara politika nadifa sabiex nhar il-Ħadd wara nofsinhar jipparteċipa fid-Dimostrazzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni.