Lokali

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil iżur Dar il-Kaptan

Il-Fondazzjoni Dar il-Kaptan ilha toffri servizzi ta’ ‘respite’ għal dawn l-aħħar 25 sena. Is-servizzi li toffri din id-Dar jgħinu lil ħafna familji li għandhom xi membru b’diżabbiltà. Ħafna minn dawk li jużaw is-servizzi ta’ Dar il-Kaptan għandhom diżabbiltà severa, bl-età tagħhom tvarja minn tfal ta’ eta’ żgħira sa adulti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, akkumpanjat mis-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, żar Dar il-Kaptan.

Matul iż-żjara, id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista uriet l-apprezzament u r-rikonoxximent lejn il-ħidma siewja tad-Dar, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll l-opportunità jżur il-parti l-ġdida tad-Dar.

Filwaqt li l-kelliema ta’ Dar il-Kaptan spjegaw lil Simon Busuttil dwar il-ħtieġa tal-kunċett tar-respite fil-familji b’membri li għandhom diżabbiltà, huma kellhom l-okkażjoni juru wkoll is-servizzi differenti offruti mid-Dar.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn li jkun hawn aktar għarfien dwar il-ħidma ta’ Dar il-Kaptan, filwaqt li saħaq li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun ta’ sostenn għall-istituzzjonijiet u għall-persuni li jgawdu mis-servizzi tagħhom.