Lokali Parlament

Il-Ministru Edward Scicluna appella għal deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi… u mhu se jiddefendi lil ħadd

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ddikjara fil-Parlament illejla, li fuq l-iskandlu li qed jiġi diskuss f’pajjiżna marbut mal-kontijiet sigrieti fil-Panama, hu mhu se jiddefendi lil ħadd u mhu se jakkuża lil ħadd waqt li appella għal deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi għal ġid ta’ pajjiżna.

Il-Ministru tal-Gvern ta’ Muscat għamel din id-dikjarazzjoni meta kien qiegħed jispjega diversi emendi li qiegħed iressaq għad-diversi liġijiet dwar is-servizzi finanzjarji f’pajjiżna.

B’rabta mal-iskandlu tal-Ministru Konrad Mizzi, il-Ministru fl-istess Kabinett tal-Gvern ta’Muscat qal li gġħaddejjin investigazzjonijiet mill-FIAU u mid-Dipartiment tat-Taxxa. Qal ukoll li meta tgħarbel dan kollu ssib li l-każ hu politiku u l-gravita qiegħda f’idejn l-attur innifisu.

Iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi għal ġid ta’ pajjiżna
Il-Ministru Scicluna kompla jgħid fil-Parlament li żgur li wieħed irid jixtarr il-konsegwenzi politiċi u jieħu d-deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi għal ġid ta’ pajjiżna. Kompla jgħid li “din trid tiġi riżola llum qabel għada għall-ġid ta’ pajjiżna”.

Fl-ispjega tiegħu, il-Ministru Scicluna qal li qiegħed jagħmel dak kollu possibbli, b’diversi laqgħat f’organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej, biex iwassal il-messaġġ b’saħħtu li ċ-ċentru finanzjarji ta’ pajjiżna mhux tax haven iżda hu reġim leġittimu.

Il-Ministru Scicluna kritika wkoll l-iskema ta’ ċedoli li ħabbar u qed iħaddem il-Partit Nazzjonalista, bix-Shadow Minister Claudio Grech iwieġeb ukoll fl-istess dibattitu li l-Partit Nazzjonalista ma ħatafx proprjetà bħalma hi l-Australia Hall, biex jibni l-finanzjament tiegħu.

Claudio Grech fisser ukoll li l-iskema ta’ ċedoli li ħabbar il-PN, bħala mezz ta’ self lill-partit, l-amministrazzjoni tal-Partit tkellmet diġà u spjegat tajjeb l-iskema.

Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Scicluna fuq l-iskandlu tad-Deputat Mexxej Laburista u Ministru, Konrad Mizzi, saret 24 siegħa wara li l-Prim Ministru Muscat fil-Parlament iddefenda lill-istess Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, dwar il-kontijiet sigrieti fil-Panama.

Fis-seduta parlamentari tal-bieraħ, il-Prim Ministru ta ċ-ċans lill-Ministru Konrad Mizzi biex jispjega u jiddefendi l-każ tiegħu fil-Parlament waqt stqarrija ta’ ftit minuti li għamel wara dak li kien żvelat mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi f’dak li qed jissejjaħ l-iskandlu dinji tal-Panama Papers.

F’dan l-iskandlu dinji ta’ korruzzjoni, il-Ministru Konrad Mizzi jissemma fost 140 politiku minn 50 pajjiż, u hu l-uniku Ministru f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Id-dokumenti żvelati mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi jitkellmu fuq korruzzjoni u kriminalità.

Fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima s-sodisfazzjon tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-Ministru Edward Scicluna, filwaqt li appella lill-Prim Ministru Muscat biex isegwi l-azzjoni li ħa l-Ministru tal-Finanzi.