Lokali

Jitressaq il-qorti r-raġel li deher isawwat żiemel

Alban Josef Saliba ta’ 36 sena minn Birkirkara dalgħodu tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, akkużat fost l-oħrajn b’moħqrija fuq l-annimali.

L-akkużat tressaq wara li l-filmat li lbieraħ dar fuq il-media soċjali u li fih kien jidher jagħti daqqiet ripetuti ta’ frosta liż-żiemel, li kien mixħut mal-art fi Triq il-Balliju Guttenberg fis-Swatar.

Il-filmat rawh eluf ta’ persuni u qanqal reazzjoni qawwija ta’ rabja. Dan wassal ukoll biex ir-raġel ġie identifikat, bil-Pulizija tad-Distrett twettaq l-arrest. Hu wiegeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.

Il-Qorti tat lil Saliba l-libertà proviżorja b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €1,000. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lara Butters u Hermann Mula, filwaqt li l-Avukat Joe Brincat qed jidher għall-akkużat.