Se jkun Karl Gouder id-Deputat Nazzjonalista l-ġdid li se jieħu post il-Professur Albert Fenech fil-Parlament wara li l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, illejla iddeċieda, permezz ta’ vot li ttieħed, li għandu jkun co-opted minfloku.
Wara d-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li m’għadx hemm bżonn is-servizzi tiegħu fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija, Albert Fenech ħabbar li se jirriżenja nhar is-Sibt għax bil-kariga l-ġdida tiegħu mal-privat se jkollu jibda jaħdem b’mod regolari barra minn Malta.
Il-Professur Fenech tela’ għall-ewwel darba fil-Parlament fl-aħħar elezzjoni. Hu kien elett f’elezzjoni każwali fuq l-10 distrett wara li George Pullicino ċeda s-siġġu fuq dan id-distrett minħabba li kien ġie elett ukoll mid-9 distrett.
Minħabba li Fenech kien ġie elett bħala deputat f’bye-election, il-liġi elettorali tgħid li s-siġġu vakat minnu bilfors ried jimtela b’co-option – jiġifieri għażla diretta mill-partit li jkun ġie elett f’ismu.
Fl-aħħar elezzjoni, Karl Gouder, li issa se jimla dan is-siġġu, kien l-aħħar kandidat tal-PN eliminat qabel il-Professur Fenech fuq l-istess distrett.
Din se tkun it-tieni esperjenza għal Karl Gouder fil-Parlament wara li serva fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna bejn l-2010 u l-2013.
Bħalissa, Karl Gouder iservi bħala s-Sindku ta’ San Ġiljan. Karl Gouder jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Deputat fil-Parlament fil-bidu tas-seduta ta’ għada l-Erbgħa.
//= $special ?>