Internazzjonali

L-ISIS akkużat bl-użu ta’ mustard gas fuq truppi fis-Sirja

L-istampa fis-Sirja akkużat lit-terroristi tal-ISIS li użaw il-mustard gas fuq il-qawwiet tal-Gvern lejn il-Grigal tal-pajjiż.

Dan wara li seħħ attakk fuq truppi f’bażi fl-inħawi ta’ Deir al-Zour, li l-ISIS ilhom żmien jippruvaw jaħtfu l-kontroll tagħha. Intant, ir-rapporti din id-darba ma ddettaljawx każi fejn inqatlu t-truppi b’konsegwenza ta’ materjal velenuż.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Sana qalet li ‘terroristi tal-ISIS sparaw ir-rokits bil-mustard gas waqt attakk fuq l-ajruport militari ta’ Deir al-Zour, fejn numru ta’ nies spiċċaw ibatu biex jieħdu n-nifs’. L-ISIS ilu x-xhur jibbumbardja l-bnadi ta’ Deir al-Zour fejn qed jgħixu madwar 200,000 resident, waqt li din is-sena, l-ajruplani tan-Nazzjonijiet Uniti bdew jitfgħu l-għajnuna lil ċivili iżolati fiz-zoni li għadhom ikkontrollati mill-Gvern Sirjan.

Il-bażi tal-ajru, lejn in-nofsinhar ta’ Deir al-Zour, hi l-aħħar assi strateġika tal-Gvern Sirjan fil-provinċja li, fil-parti l-kbira waqgħet taħt idejn l-ISIS.

Intant, din mhix l-ewwel darba li l-ISIS spiċċa akkużat bl-użu ta’ armi kimiċi fuq avversarji fis-Sirja u l-Iraq, u meta sitwazzjonijiet tipiċi rriżultaw f’numru ta’ vittmi.