Il-President tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, iddikjara li d-Deputat Laburista u Whip tal-Gvern, Godfrey Farrugia, ma kienx ostakolat meta dan l-aħħar kien avviċinat minn ġurnalista ta’ Net News waqt li l-Whip tal-Gvern kien dieħel fil-bini tal-Parlament u ntalab jagħti l-kummenti.
F’ruling li ta lbieraħ, l-Ispeaker iddikjara wkoll li ma kien hemm ebda ksur tar-regolamenti tal-Parlament meta d-Deputat Laburista kien avviċinat mill-media, cameraman u ġurnalist, waqt li kien dieħel għas-seduta parlamentari fl-aħħar ġimgħa qabel ma waqaf il-Parlament għall-vaganzi tal-festi tal-Għid.
Il-Whip tal-Gvern kien ilmenta mal-Ispeaker dwar il-preżenza tal-media u talab il-protezzjoni
Id-Deputat Laburista kien talab għall-protezjoni tas-sedja meta lmenta mal-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar ix-xogħol tal-ġurnalisti u cameramen li jkunu jistennew lid-deputati parlamentari biex jistaqsuhom mistoqsijiet u jitolbuhom kummenti huma u deħlin fil-bini tal-Parlament.
Godfrey Farrugia kien ukoll ġibed l-attenzjoni tas-Sedja dwar in-nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara tal-post li fih il-ġurnalisti għandhom jistennew lid-deputati parlamentari jekk iridu jistaqsuhom xi mistoqsijiet huma u deħlin jew ħerġin mill-bini tal-Parlament.
Fid-deċiżjoni tas-Sedja b’rabta ma’ dan l-ilment tal-Whip tal-Gvern, l-Ispeaker iddikjara li s-sistema hi l-istess bħal dik li kienet prattikata u mħaddma fil-bini l-ieħor tal-Parlament, fi Pjazza San Ġorġ, li hi wkoll miftuħa u kbira bħalma hi l-pjazza tal-bini tal-Parlament tal-lum fid-Daħla tal-Belt.
Il-Pulizija ma kellhiex għalfejn tintervjeni
Fir-ruling li ta, l-Ispeaker qal li rrifera wkoll għas-sistema ta’ cameras fid-daħla tal-bini tal-Parlament u spjega li rriżulta mill-filmati miġbuda mis-sistema ta’ sigurtà, li l-cameraman baqa’ fl-area ristretta għall-media qrib id-daħla tal-Parlament, waqt li l-ġurnalist avviċina lid-deputat. Mill-filmati jirriżulta wkoll kif il-membru parlamentari u l-ġurnalist ressqu lejn il-bini tal-Parlament u lejn l-area tal-ġurnalisti u l-Pulizija ma kellhiex għalfejn tintervjeni għaliex ma kienx qed jiġi ostakolat u ma kienx hemmx ksur tar-regolamenti.
Is-Sedja rrimarkat ukoll li minħabba li l-ispazju ta’ madwar il-Parlament hu miftuħ, il-ġurnalisti ma jistgħux jiġu ristretti, u l-Parlament jista’ jikkontrolla biss sa fejn jistgħu jaslu l-ġurnalsti fid-daħiet tal-Parlament, kemm ħdejn il-blokk amministrattiv u kemm dak tal-blokk tas-sala tal-Parlament.
Sedja fakkret ukoll lill-membri tal-media biex jirrispettaw iz-zoni riservati u bl-ebda mod ma jostokalaw il-membri parlamentari.
Il-Ministru Carmelo Abela, li fil-ġimgħat li għaddew ukoll kien ilmenta mal-Ispeaker dwar il-ħidma tal-ġurnalisti fid-daħla tal-bini tal-Parlament, irrimarka wara din id-deċiżjoni li tat is-Sedja, li waqt li hu jkun dieħel fil-bini tal-Parlament ikun dispost li jagħti kummenti fiz-zona riservata fejn il-media għandha tkun qed tistenna. Appella biex din iz-zona tkun immarkata b’mod ċar u li tindika fejn il-ġurnalisti għandhom jistennew lid-deputati għall-kummenti.
L-Ispeaker wieġeb li l-bini l-ġdid tal-Parlament għandu wkoll l-ispazju fejn il-membru parlamentari għandu jieqaf biex jagħti l-kummenti lill-ġurnalisti.
//= $special ?>