Internazzjonali

Myanmar: Approvat rwol simili għal Prim Ministru għal Suu Kyi

Il-Parlament ta’ Myanmar għadda abbozz ta’ liġi li jagħti rwol simili għal ta’ Prim Ministru lil Aung San Suu Kyi, ir-rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi, li ilha s-snin simbolu ta’ demokrazija f’pajjiż li sa ftit ilu kien amministrat minn ġunta militari.

Il-Kamra t’Isfel tal-Parlament f’Yangon għaddiet l-abbozz biex titwaqqaf kariga ta’ ‘Kunsillier tal-Istat’ li issa teħtieġ biss l-approvazzjoni tal-Presidenza biex issir effettiva.

Sadanittant, rappreżentanti tal-militar (mhux-eletti) li jikkontrollaw kwart tas-siġġijiet fil-Parlament ibbojkottjaw il-vot, waqt li fissru l-abbozz inkwistjoni bħala wieħed li jmur kontra l-Kostituzzjoni.

Il-partit ta’ Suu Kyi rebaħ l-aħħar elezzjonijiet f’Myanmar, iżda hi mhix permessa li ssir il-President tal-pajjiż. Dan meta klawsola tal-Kostituzzjoni iżżomm kandidati li għandhom l-ulied barranin milli jassumu l-Presidenza, u fil-fatt, iż-żewġ ulied ta’ Suu Kyi għandhom passaport tar-Renju Unit.

Il-klawsola hi kkunsidrata li tfasslet speċifikament biex Aung San Suu Kyi ma tiħux il-poter f’Myanmar.