Internazzjonali

PANAMA PAPERS: Il-Prim Ministru tal-Iżlanda jirriżenja wara l-ħruġ tal-informazzjoni

Il-Prim Ministru Iżlandiż Sigmundur Gunnlaugsson irriżenja wara l-informazzjoni li ħarġet mill-iskandlu tal-Panama Papers li żvelat l-investimenti tiegħu f’kumpanija sigrieta fil-Panama. Hu kien naqas milli jagħti informazzjoni dwar dawn l-investimenti meta kien tela’ fil-Parlament fl-2009.

Fl-aħħar sigħat, Gunnlaugsson kien qed jiffaċċja dejjem aktar pressjoni biex jirriżenja wara l-leaks fil-każ tal-Panama Papers li urew li hu u martu huma propjetarji tal-kumpanija bl-isem ‘Wintris’.

Fl-aħħar jiem, il-Gvern fl-Iżlanda kien qed jiffaċċja pressjoni qawwija biex jirriżenja u tissejjaħ elezzjoni wara li fl-aħħar sigħat faqqa ‘Panama Papers’, bi protesti kbar.

Aktar kmieni ħarġet l-aħbar li Gunnlaugsson talab lill-President Iżlandiż biex ixolji l-Parlament. Min-naħa tiegħu, il-President Iżlandiż imblokka talba sakemm jitkellem mal-Mexxejja tal-partiti l-oħrajn.

F’dan l-iskandlu li ħasad id-dinja, inkixfet lista’ twila ta’ politiċi li użaw il-Panama biex fetħu kumpaniji sigrieti għall-ħasil tal-flus, kriminalita’ u korruzzjoni. Il-Ministru Konrad Mizzi ssemma f’din il-lista.

Fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama fl-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat iddefenda lil Konrad Mizzi li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama u minflok ħatru Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.