Lokali

Pressjoni fil-grupp Parlamentari Laburista biex Konrad Mizzi jirriżenja

Fi ħdan il-grupp parlamentari Laburista qed issir pressjoni biex il-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi u li hu wkoll id-deputat mexxej Laburista, jirriżenja.

Dan fid-dawl tal-iskandlu Panamagate u anke b’rabta mal-aħħar skandlu fuq skala internazzjonali Panama Papers.

Dan kien irrapurtat f’artiklu fil-gazzetta The Malta Independent.Artiklu li jgħid kif kien il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo l-ewwel ma sejjaħ għar-riżenja ta’ Mizzi. Il-gazzetta tgħid imbgħad li kien hemm anke membri oħra fi ħdan il-grupp parlamentari laburista li qablu ma’ dak li qal Evarist Bartolo biex Konrad Mizzi jirriżenja.

Minn dak ippublikat fl-artiklu kienu d-deputat Prim Ministru Louis Grech u l-Ministru tal-ambjent Leo Brincat li qablu wkoll mal-Ministru Evarist Bartolo.

Jirriżulta li din il-laqgħa kienet waħda mqanqla b’diversi Ministri u Segretarji Parlamentari jispjegaw l-opinjonijiet u l-pożizzjonijiet tagħhom.

F’kummenti lill-media hu u dieħel għas-seduta parlamentari tat-Tnejn filgħaxija, il-Ministru Evarist Bartolo la kkonferma u lanqas ċaħad dak li rrapurtat il-gazzetta.

Fil-ġimgħat li għaddew, b’rabta mal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u tac-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Evarist Bartolo kien kiteb fuq il-media soċjali “Meta jkun il-maltemp ara kif tilqgħalu. Tippruvax tidħak bik innifsek u twaħħal fil-barometru jew tbagħbsu biex temmen li hu bnazzi.”