Internazzjonali

Qbil dwar waqfien mill-ġlied f’Nagorno-Karabakh

Il-qawwiet tal-Ażerbajġan u l-qawwiet Armeni etniċi qablu li jieqfu immedjatament mill-ġlied wara kważi erbat ijiem ta’ kumbattimenti ħorox fir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh. L-aħbar ingħatat mis-separatisti Armeni u mill-Ministeru tad-Difiża Ażeri li ftit sigħat qabel kien qed jhedded offensiva kbira fuq il-belt ta’ Stepanakert, li hi l-kapitali tar-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh.

L-Ażerbajġan illum qal li tilef almenu 16-il suldat f’jumejn ta’ ġlied fir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh, waqt li s-separatisti etniċi akkużaw lill-Ażeri bl-użu ta’ armamenti ta’ kalibru qawwi matul il-kunflitt. Dan, meta l-Armenja, pajjiż Kristjan li qed jappoġġja lis-separatisti f’Nagorno-Karabakh, qalet li kriżi fit-tul fir-reġjun tista’ tirriżulta fi gwerra fuq skala kbira li taffettwa wkoll l-istabbiltà tal-Ewropa.

L-Armeni etniċi ilhom jikkontrollaw iz-zona ta’ Nagorno-Karabakh, qalb il-muntanji tal-Ażerbajġan, mill-bidu tas-snin disgħin. Din iz-zona ilha żmien toħloq it-tensjoni bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, li huma ġirien bi storja twila ta’ antagoniżmu għal xulxin.

Il-ġlied dwar Nagorno-Karabakh żbroffa mill-ġdid fi tmiem il-ġimgħa wara perijodu ta’ kwiet relattiv mindu kien daħal fis-seħħ ftehim għall-waqfien mill-ġlied, fl-1994.

Sadanittant, qabel tħabbar l-aħħar waqfien mill-ġlied, il-Ministru tad-Difiża Ażeri, Zakir Hasanov, kien sostna li t-truppi tiegħu kellhom direttiva biex jimmiraw għall-inħawi ta’ Stepanakert, fejn jgħixu madwar 50,000 ruħ, f’każ li s-separatisti ma kellhomx jieqfu mill-bumbardamenti fuq residenzi tal-Ażeri.

Il-Ministeru Ażeri qal li l-qawwiet separatisti tal-Armeni kienu baqgħu jisparaw fuq pożizzjonijiet tal-Ażeri u villaġġi qrib iz-zona tal-gwerra minkejja li l-Ażerbajġan, nhar il-Ħadd, kien iddikjara waqfien mill-ġlied unilaterali.

Mill-banda l-oħra, l-uffiċjali tal-Armenja qalu li drone tal-Ażerbajġan attakka xarabank mimli ‘bil-voluntiera Armeni’ waqt li kien fi triqtu lejn id-distrett ta’ Martakert. F’dan l-attakk inqatlu numru ta’ nies. Fl-aħħar jiem, mijiet ta’ nies minn madwar l-Armenja ħadu l-inizjattiva biex jissieħbu fuq in-naħa tas-separatisti etniċi f’dan il-kunflitt.

L-awtoritajiet f’Nagorno-Karabakh, intant, huma lesti biex iwieġbu għal kwalunkwe eskalazzjoni fil-ġlied waqt li l-Armenja qed issostni li battalji ġodda u fit-tul kapaċi, ‘il quddiem, jirriżultaw fi gwerra fuq skala kbira f’dan ir-reġjun.