Lokali

Skont Owen Bonnici, Konrad Mizzi huwa wieħed mill-aqwa Ministri li qatt kellu pajjiżna

Jumejn wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, il-Ministru Owen Bonnici faħħar lil Konrad Mizzi u ddefendieh qatta’ bla ħabel. Tant li ddeskrivih bħala wieħed mill-aqwa Ministri li qatt kellu pajjiżna.

Owen Bonnici għamel il-kummenti tiegħu jumejnw ara li Konrad Mizzi tniżżel ma’ aktar minn 140 politiku minn madwar id-dinja li jużaw il-Panama biex jaħbu l-flus f’kumpaniji sigrieti.

Ara l-filmat bil-kummenti sħaħ ta’ Owen Bonnici hawn taħt

Fl-iskandlu tal-Panama Papers, Konrad Mizzi nqabad li pprova jiftaħ kont sigriet f’Dubaj, marbut mal-kumpanija sigrieta li fetaħ fil-Panama u t-trust fi New Zealand. Permezz tat-trust, Konrad Mizzi ma jidhirx bħala s-sid tal-kumpanija sigrieta fil-Panama.

NETnews.com.mt staqsa lill-Ministru Owen Bonnici għaliex Konrad Mizzi pprova jiftaħ kont bankarju f’Dubaj, bil-Ministru jwieġeb li din kienet waħda mill-għażliet li ġie offrut minn dawk li taw is-servizzi finanzjarji lil Kornad Mizzi (jiġifieri Nexia BT, li s-sid tagħha huwa Brian Tonna).

Iżda rapport minn ‘The Australian Financial Times’ wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers jikkonferma li l-kont bankarju f’Dubaj ma kienx sempliċiment “għażla” li ġiet offruta lil Konrad Mizzi. Filfatt, Konrad Mizzi, permezz tal-kumpanija Mossack Fonseca (li fetħet il-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama), talab li jiftaħ kont bankarju f’Dubaj.

Fil-kummenti tiegħu lill-ġurnalisti, Owen Bonnici qal li Konrad Mizzi kien politikament ‘naive’, jiġifieri bla ħażen politiku, li aċċetta l-parir ta’ Nexia BT.

Għal diversi drabi, Owen Bonnici rrifjuta li jaċċetta l-argument li Konrad Mizzi nqabad li għandu din l-istruttura finanzjarja (jiġifieri ‘trust’ fi New Zealand b’kumpanija sigrieta ġol-Panama) peress li Konrad Mizzi ddikkjara kollox.

Madanakollu, Owen Bonnici stess ammetta li din id-dikjarazzjoni raha biss il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-impjegati taċ-ċivil li jiproċċessaw il-karti, tant li l-anqas hu stess għadu ma raha.

Fi Frar, Joseph Muscat kien qal lill-ġurnalisti ta’ NETnews.com.mt “li se jaqgħu għaċ-ċajt” ladarba tkun ippubblikata d-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Konrad Mizzi, li skont Muscat stess kellha tkun ippubblikata sal-aħħar ta’ Marzu.