Internazzjonali

Studenti Musulmani eżenti milli jieħdu b’idejn għalliema nisa fl-Iżvizzera

L-awtoritajiet fi skola sekondarja fl-Iżvizzera qajmu kontroversja sħiħa wara li ppermettew li żewġ subien (studenti) Musulmani ma jiħdux b’idejn għalliema nisa, meta din hi forma ta’ tislima komuni fl-iskejjel tal-pajjiż.

Is-subien, li jattendu l-iskola fil-belt ta’ Therwil, qalu lill-awtoritajiet tal-iskola li hi kontra l-fidi tagħhom li jagħmlu din il-forma ta’ kuntatt ma’ mara li ma tiffurmax parti minn familthom.

Intant, il-Ministru tal-Ġustizzja tal-Iżvizzera, Simonetta Sommaruga, qalet li d-drawwa fejn persuna tieħu b’idejn oħra hi parti mill-kultura u l-ħajja ta’ kuljum f’dan il-pajjiż.

Sadanittant, unjoni tal-għalliema lokali sostniet li l-eżenzjoni, f’dan il-każ, għandha titqies bħala pass li jiddiskrimina kontra n-nisa.

Il-każ ta’ Therwil – belt ta’ 10,000 resident, fid-distrett ta’ Basel – wassal għal dibattitu nazzjonali rigward l-identità tal-Iżvizzeri.

Intant, membri tal-Konferenza Żvizzera għall-Ministri tal-Edukazzjoni issuġġerew li l-awtoritajiet tal-iskola ta’ Therwil setgħu ħadu din id-deċiżjoni biex jevitaw ‘problema skomda’, imma spiċċaw ħadu deċiżjoni żbaljata.

Dan meta kien hemm ftit li xejn appoġġ għad-deċiżjoni tal-iskola biex jingħata dan il-permess lis-subien, li għandhom 14 u 15 il-sena rispettivament, u li ilhom is-snin residenti fl-Iżvizzera.