Lokali

Erba’ Ministri jemmnu li Konrad Mizzi għandu jirriżenja

Il-gazzetta maltatoday qed tirrapporta illi fil-Kabinett ta’ Muscat kompliet tikber ir-rabja għal Konrad Mizzi wara l-informazzjoni ġdida li ħarġet fil-Panama Papers. Apparti Evarist Bartolo, jidher illi l-Ministri George Vella u Leo Brincat kif ukoll il-Viċi Prim Ministru Louis Grech jemmnu li Konrad Mizzi għandu jirriżenja sakemm inaddaf ismu minn dan l-iskandlu.

Fir-rapport tal-maltatoday jingħad illi l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista li saret nhar it-Tnejn kienet waħda imqanqla ferm. Sorsi mill-Grupp Parlamentari qalu lill-gazzetta illi kien hemm qbil unanimu li l-Ministru Mizzi għandu jirriżenja. Mhux biss deputati veterani, iżda anke uħud mid-deputati ż-żgħar, ilkoll qablu ma’ dan.

Iżda Muscat fi tmiem il-laqgħa qal illi jekk Konrad Mizzi jirriżenja tkun qed tikber il-kredibbilta’ tal-Kap tal-PN Simon Busuttil.

L-aktar persuna li, skont il-maltatoday, kien voċiferu f’din il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista kien il-Ministru George Vella.