Il-Gvern tal-Prim Ministru Muscat, li kellu jkun l-aqwa Kabinett fl-istorja politika riċenti ta’ pajjiżna, wara biss tliet snin hu maqbud f’morsa ta’ korruzzjoni, bil-Ministru Konrad Mizzi hu ta’ piż fuq il-pajjiż u bil-pożizzjoni tiegħu mhix aktar tenibbli meta ħatt dak li nbena tul is-snin fis-servizzi finanzjajri ta’ pajjiżna meta nqabad fl-akbar skandlu ta’ korruzzjoni fid-dinja – fl-iskandlu tal-Panama Papers.
Meta llejla tkellem fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Avjazzjoni Ċivili biex jissaħħu l-miżuri ta’ pajjiżna tas-sigurtà, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kkritika bil-qawwa l-mod kif il-Ministru Owen Bonnici, kontra qalbu, qiegħed jiddefendi lill-Ministru Konrad Mizzi meta quddiem dak li ġie żvelat mill-Konsorzju ta’ Ġurnalisti Internazzjonali Investigattivi, sejjaħ lid-Deputat Mexxej Laburista u Ministru, lil Konrad Mizzi bħala “naive” – bla ħażen politiku.
Il-Ministru Konrad Mizzi kien jaf preċiż x’qed jagħmel
Beppe Fenech Adami qal li Konrad Mizzi ma kien “naive” xejn għax kien jaf preċiżament x’qed jagħmel għax ħaseb li kif ilu jsir għal dawn l-aħħar 30 u 40 sena fit-twaqqif ta’ kontijiet u kumpaniji sigrieti, mhux se jinqabad. Iżda llum Konrad Mizzi nqabad u rema l-fiduċja li tah il-poplu. Saħaq li l-Ministru Konrad Mizzi issa jrid jispjega għalfejn fetaħ kumpanija sigrieta. Mhix aċċettata d-difiża li għamel il-Ministru Owen Bonnici li ddefenda lil Konrad Mizzi billi qal li mill-Panama Papers ħareġ li Konrad Mizzi ma kellux flus fil-kontijiet sigrieta.
Filwaqt li rrimarka li quddiem dan l-iskandlu kbir ħafna Ministri tal-gvern qed jistaħbew u jaħarbu minn nies, ħafna Ministri tal-Gvern jaqblu li l-Ministru Konrad Mizzi sar piż fuq il-Partit Laburista u kemm ilu li sar Deputat Mexxej Laburista ma kellux ħames minuti ċans biex ipoġġi bilqiegħda u jitkellem mal-għeruq tal-partit. Sadattant, il-Prim Ministru qed jagħmlu l-aktar Ministru b’saħħtu meta m’għandux il-moħħ u s-serenità biex jiddedika l-ħin lill-Partit tiegħu u lill-pajjiż.
Ħadd ma jemmen li Konrad Mizzi fetaħ kumpanija fil-Panama biex iħalliha vojta
Filwaqt li ddikjara wkoll li kif jemmnu ħafna Ministri tal-Gvern li ma jistgħux jibqgħu jiddefendu dak li ma tistax tiddefendih aktar, Beppe Fenech Adami qal li m’hawn ħadd f’pajjiżna li qed jemmen li Konrad Mizzi fetaħ kumpanija fil-Panama biex iħalliha vojta, u li dak li għamel il-Ministru Mizzi jista’ jagħmlu kulħadd.
Fakkar ukoll f’dak li appella l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna lbieraħ fil-Parlament- biex jittieħdu d-deċiżjonijiet iebsa u bżonjużi quddiem l-iskandlu tal-Panama Papers. Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern u lill-Prim Ministru biex ma tibqax issir aktar ħsara lill-ekonomija ta’ pajjiżna u lil pajjiżna.
Fisser ukoll kif Konrad Mizzi illum hu maqbud fl-ikbar skandlu fl-istorja tal-bniedem. Dan hu skandlu ħafna akbar minn dak li l-poplu kien jaħseb li huma skandli kbar meta kienu żvelati u mikxufa l-iskadlu ta’ Gaffarena, l-iskandlu tal-proprjetà tal-Australia Hall li ħa l-Partit Labursta, u l-iskandlu tal-Cafè Premier fejn il-Prim Ministru intervjena hu personalment b’e-mail tiegħu biex jinqata d-dejn ta’ kumpanija bi ħlas ta’ €4.2 miljun.
Korruzzjoni li tinsab fl-ogħla livelli tal-awtoritajiet ta’ pajjiżna
Semma wkoll li dawn l-iskandli kollha saru fl-istess waqt li kien qed jinħema l-iskandlu kbir tal-Ministru Konrad Mizzi li wiċċu rajnih fost id-dittaturi u fost l-aktar nies korrotti li hawn fid-dinja.
Beppe Fenech Adami qal li llum għandna dan il-primat u l-unur li għandna l-uniku Ministru fl-UE maqbud f’kumpanija fil-panamana, li hu Ministru Malti, u agħar minnhekk inqabad b’kumpanija fil-Panama li waqqafha meta kien Ministru.
Sejjaħ dan bħala korrizzjoni ta’ miljuni u biljuni li qed theżżeż ukoll is-sigurtà tal-pajjiż u b’korruzzjoni li tinsab fl-ogħla livelli tal-awtoritajiet ta’ pajjiżna.
//= $special ?>