Lokali Parlament

Il-Ministru Konrad Mizzi għandu jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma f’isem il-poplu

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli appellat lill-Ministru Konrad Mizzi li jekk irid iżomm mal-wegħda li għamel meta nqabad fl-iskandlu tal-kontijiet u kumpaniji sigrieti li se jittrippla l-ħidma tiegħu fil-Gvern, jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma kemm ilu Ministru tal-Gvern.

Meta tkellmet fil-Parlament illejla fil-ħin tal-Aġġornament, Marthese Portelli appellat lill-Ministru Konrad Mizzi, maqbud fl-akbar skandlu ta’ korruzzjoni internazzjonali, biex jekk verament għandu l-interess tal-poplu u ta’ pajiżna, jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma bħala Ministru tal-Gvern jekk il-kuntratti huma fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Pajjiżna qiegħed f’periklu u f’riskju kbir
Marthese Portelli qalet li pajjiżna qiegħed f’periklu u f’riskju kbir meta qed ngħixu f’mument surreali fis-sitwazzjoni li daħħal lil pajjiżna fiha l-Ministru Konrad Mizzi li ħaseb biss għalih innifsu meta organizza l-affarijiet biex hu jkun komdu u fetaħ trust u kumpanija sigrieta.

Ikkundannat lill-Ministru Mizzi li avvelina mad-dinja kollha u qisu xejn mhu xejn, bil-Prim Ministru wkoll qed jaqa’ u jqum mit-tħassib li qed juri l-poplu meta qed juri li kollox hu business as usual.

Marthese Portelli fakkret xkien qal il-Ministru Konrad Mizzi meta nqabad fl-iskandlu, u biex jidħak bil-poplu Malti kien qal li se jaħdem aktar biex ipatti għal dak kollu li għamel.

Irrimarkat li għaddew 44 ġurnata minn meta faqqa’ l-iskandlu, iżda l-Ministru Mizzi komdu kien u komdu baqa’, u kompla jidħak bil-poplu Malti u Għawdxi.

Ix-Shadow Minister fakkret li l-kuntratti li għandu jippubblika l-Ministru Mizzi jinkludu kuntratti kbar u importanti marbuta mal-bejgħ tal-Enemalta, mal-konsorzju li qed jibni l-power station f’Delimara u max-xiri u n-negozji li saru fil-hedging agreements dwar żejt li xtrat l-Enemalta fejn il-Gvern kien ikkundannat li tilef €14-il miljun.

“Ninsistu li dawn il-kuntratti, jekk irid jagħmel xi ħaġa, il-Gvern irid jippubblikahom biex joħroġ ċar f’liema interess iffirmhom”, saħqet Marthese Portelli.

Il-Gvern qed jibqa’ jidħak bil-poplu bil-prezzijiet ogħla tal-petrol u d-diesel
Semmiet ukoll il-kwistjoni tal-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel fejn fissret li hawn ukoll il-Gvern daħak bil-poplu kemm-il darba meta l-poplu ilu għal aktar minn sena jħallas prezzijiet għolja għall-petrol u d-diesel li sal-lum għadhom għoljin minkejja r-reviżjoni li tħabbret fl-aħħar jiem.

Filwaqt li fakkret li f’Ottubru li għadda l-Prim Ministru qal li jrid iġib lill-Maltin bħal, jew aħjar, mil-Lussemburgu, Marthese Portelli fissret li fl-2015, minn Jannar sa Diċembru, il-petrol u d-diesel fil-Lussemburgu dejjem kien ferm irħas minn Malta u fejn kien hemmm ċirkustanzi li kien sa 25% irħas.

F’Malta l-petrol hu 29ċ fil-litru aktar mil-Lusemburgu u 35ċ aktar fid-diesel
Fl-2016, wara l-aħħar reviżjoni li għamel il-Gvern, xorta nsibu li minkejja t-taparsi roħs, f’Malta l-petrol hu 29ċ fil-litru aktar u 35ċ aktar fid-diesel.

Jirriżulta wkoll minn statistika uffiċjali tal-UE u tal-NSO, li fl-ewwel tliet xhur tas-sena meta mqabbla mal-Lusemburgu, fejn il-pagi huma tliet darbiet ogħla, il-petrol fil-Lussemburgu qiegħed 25ċ orħos fil-litru minn Malta – li jfisser €13-il miljun fi tliet xhur. Fil-prezz tad-diesel, id-differenza hi ta’ €20 miljun.

Meta wieħed jaħdem il-medja tal-prezzijiet fl-UE, jirriżulta li l-Maltin qed iħallsu €10 miljun aktar.

Filwaqt li staqsiet x’qed iżomm lill-Ministru Konrad Mizzi jippubblika l-kuntratti, stqasiet ukoll min qed jibbenefika u jgawdi mill-prezzijiet għolja tal-fjuwils u jekk hemmx kummissjonijiet u ħlasijiet għaddejjin dwar din il-kwistjoni.
Appellat lill-Gvern biex jibda jirrispetta lill-poplu Malti u jiggverna b’mod tajjeb u mhux kif jaqbel lilu biss.