L-ambizzjonijiet politiċi ta’ Donald Trump għar-Repubblikani u ta’ Hillary Clinton għad-Demokratiċi komplew isibu l-kumplikazzjonijiet wara li t-tnejn tilfu l-elezzjonijiet interni tal-partiti tagħhom f’Wisconsin.
Ted Cruz, l-avversarju ewlieni ta’ Trump għan-nomina tal-Partit Repubblikan, rebaħ b’mod konvinċenti l-elezzjoni li kien hemm f’Wisconsin, filwaqt li fl-istess Stat, Bernie Sanders kiseb rebħa kbira fuq Hillary Clinton.
Trump xorta għadu minn ta’ quddiem fl-elezzjonijiet li qed isiru fuq in-naħa Repubblikana; imma hemm possibbiltà kbira li l-ebda kandidat Repubblikan ma jirbaħ biżżejjed delegati biex jieħu n-nomina tal-partit hu biex imbagħad f’Novembru jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali.
F’Lulju, id-delegati li jintrebħu f’dawn l-elezzjonijiet interni jivvutaw għall-kandidat. Jekk ħadd ma jkun irnexxielu jikseb il-maġġoranza, allura jkun hemm dik li tissejjaħ brokered convention, fejn l-elezzjoni għal min jiġi nnominat issir dakinhar; u hawn jista’ jiġri min kollox.
Fuq in-naħa Demokratika, dik ta’ Wisconsin tkompli fis-sensiela ta’ rebħiet li kellu Sanders, Senatur minn Vermont, fl-elezzjonijiet fejn jidħol il-partit tiegħu. Imma Sanders mill-elezzjoni ta’ Wisconsin kiseb spinta kbira qabel l-elezzjonijiet fi New York u f’Pennsylvania.
Fil-każ tal-elezzjoni Demokratika f’Wisconsin, id-delegati jitqassmu proporzjonalment. Il-vantaġġ li Sanders kiseb fuq Clinton ma kienx sinjifikanti – Sanders kiseb 44 delegat u Clinton 28 delegat.
Clinton għad għandha distakk tajjeb ta’ delegati u ħafna osservaturi m’għandhomx dubju li hi se tirbaħ in-nomina, minkejja t-telfiet reċenti.
Intoppi għal Trump u Clinton
