BLOGS

Iskot!

Illum l-Erbgħa 6 ta’ April huwa l-jum li fih pajjiżna qiegħed jixhed kemm politikament qbadna triq antidemokratika li xxejjen għal kollox kull wegħda fiergħa ta’ Joseph Muscat qabel rebaħ il-Gvern li Malta ser tkun l-aqwa fl-Ewropa.

Jekk qatt kien għad baqagħlna dubju, issa l-Gvern attwali kkonferma kemm niżel fil-baxx u mhux qiegħed isib tarf l-Oppożizzjoni. Il-każ Panamagate – li kmieni dil-ġimgħa reġa’ ħa żvolta oħra li timplika bl-aktar mod sfaċċat lil Konrad Mizzi – qiegħed litteralment jaħli l-enerġija kollha tal-Gvern f’tentattiv iddisprat sabiex jnessi l-akbar skandlu fl-istorja politika Maltija, tentattiv wara l-ieħor li fihom il-Gvern qed jipprova jkisser l-Oppożizzjoni.

Hawnhekk ma għandniex żewġ partiti politiċi li qed isostnu argumenti politiċi fil-konfront ta’ xulxin, imma għandna Gvern li qed jipprova jsikket Oppożizzjoni billi qabel xejn jeħodlu kull opportunità li jsemma’ leħnu skont kif tagħtih il-liġi, u allura dan mhu xejn għajr ksur tal-privileġġ li kull Oppożizzjoni għandu jkollha f’Demokrazija. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista aċċenna għaldaqstant li d-Demokrazija hija mhedda. Din it-theddida nistgħu nifirxuha fuq tliet episodji separati – li lkoll seħħew f’dal-aħħar jiem – imma li jikkonfermaw kemm kelmet l-Oppożizzjoni hija ta’ theddida għall-Gvern li huwa mifni bi skandlu fi skandlu.

Proprju llum ser jibqa’ mniżżel fl-istorja politika ta’ pajjiżna meta aktar tard ser jitressaq il-Qorti mixli b’malafama Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għax tkellem f’isem l-Oppożizzjoni u talab għal riżenja ġustifikata tal-eks Kummissarju tal-Pulizija li dik il-ħabta – Ġunju ta’ sena ilu – kien inkarigat mis-sigurtà taċ-CHOGM wara li dan tal-aħħar, meta kien jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju, ġie akkużat li għadda informazzjoni sensittiva lil ġurnal ewlieni f’Malta, azzjoni li biha kiser il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. L-Oppożizzjoni hija fid-dmir li titkellem, hija fid-dmir li tikkritika, hija fid-dmir li ssaqsi l-mistoqsijiet f’pajjiż demokratiku, u l-Gvern huwa fid-dmir li jagħtiha kull spazju stipulat mil-liġi. Huwa inutli l-argument li qed iġib il-Gvern li dan il-każ mhux instigat minnu imma minn ċittadin, għaliex meta ġara dan kollu, Peter Paul Zammit kien jokkupa karigi afdati lilu fuq bażi politika.

Jekk allura llum wasalna sa hawn, dan jikkonferma li Malta qiegħda titlef kull sens ta’ leġittimità fejn tidħol il-libertà tal-espressjoni li hija pilastru imperattiv għad-demokrazija.

Tul dawn il-jiem, il-Gvern iddisprat għadda liġi baxx baxx sabiex irażżan lill-Partit Nazzjonalista milli jgħid il-verità dwar il-korruzzjoni diretta u indiretta tal-Gvern billi kkonkluda – mingħajr konsultazzjoni – li l-billboards politiċi għandhom jittellgħu biss fil-ġimgħat tal-elezzjoni. Din l-attitudni tikkonferma dejjem kemm il-verità fil-messaġġ tal-Oppożizzjoni qiegħed joqros lill-Gvern li mhux jagħmel id-distinzjoni bejn partit politiku u Gvern. Kieku hemm din id-distinzjoni, ma kienx ikun qiegħed iwassal il-propoganda tiegħu bħala Partit Laburista f’isem il-Gvern u jinqeda huwa stess bil-billboards partiġġjani! Dan qerq, dan insult lid-demokrazija ta’ pajjiżna, dan insult lejn il-Maltin ta’ rieda ġenwina.

L-insulti huma sintomu tal-Gvern li ma għadx fadallu aktar il-paroli ta’ roadmap li qatt ma kienet. Min jikkritikah, jattakkah! Dik hi l-arma tal-Gvern, l-attakk u l-insult. L-ewwel nett, Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jiddefendi jew ma jwaqqafx lil min hu mħallas mill-fondi pubbliċi fi rwol pubbliku f’Kastilja milli jkompli b’rambaġġ ta’ attakki fil-konfront ta’ diversi personalitajiet li għal raġuni jew oħra jikkritikaw lill-Gvern. Nilqa’ b’ottimiżmu l-kritika, imma din il-kritika qatt ma tista’ tkun ġustifikata jekk ikollha l-għan partiġġjan minn konsulent tal-Gvern. Hemmhekk inkunu qed nabbużaw mill-poter! Abbuż li issa huwa rinomat ma’ Gvern Laburista.

Minn ma jaqbilx mal-Gvern għandu jagħlaq ħalqu, jiskot! Il-ġurnalisti jmisshom jieqfu jitkellmu, ma jmisshomx jindagaw l-abbuż ta’ xogħol bil-kundizzjonijiet agħar minn prekarji fil-ħabs waqt li l-Prim Ministru u martu jkunu għal vaganza, jew xi ħaġa simili milli riedet tfisser Michelle Muscat. L-attakk insolenti lill-ġurnalisti hi u tindirizzahom b’sarkażmu u qżież ikompli jsostni kemm il-libertà tal-istampa li mhi xejn ħlief fergħa oħra tal-libertà tal-kelma qed tkun mhedda tant li kulħadd donnu mistenni jieqaf jistaqsi l-imġiba tal-Gvern. Din l-attitudni hija superfiċjali u mhix tollerata. Kienet ġustifikata għalhekk, il-kritika li sartitilha wara l-konferenza stampa li fiha s-Sinjura Muscat dehret kemm ma hix tal-livell li nistennew minn mara ta’ Prim Ministru f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

L-aħħar u mhux l-anqas, il-Partit Nazzjonalista ntalab jiskot ukoll waqt il-programm Dissett meta d-dritt għar-risposta li ngħatalu – wara li Konrad Mizzi ddefenda l-kontijiet sigrieti fil-Panama mingħajr mal-Oppożizzjoni kellha kelliem preżenti – reġa’ ttiħidlu minħabba deċiżjoni partiġġjana, anke jekk dan reġa’ ngħata wara pressjoni ġustifikata. X’ħasebt iċ-Chairperson tal-awtorità tax-xandir li l-Oppożizzjoni ser tagħlaq ħalqha għax hekk deherilha hi? Jekk l-Oppożizzjoni ma titkellimx dwar l-akbar skandlu politiku, dwar xiex tridha titkellem, dwar it-tlestija tal-Power Station il-ġdida?!

Lill-Partit Nazzjonalista u lill-Kap tiegħu ħadd u xejn mhu se jrażżnu! Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled għad-drittijiet tiegħu u se jkompli jesprimi dak li huwa mistenni minnu. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jaqa’ għall-intimidazzjoni u se jiġġieled għal dak li hu tiegħu; ma għandix dubju li dan se jkun il-ġudizzju finali fil-Qorti llum fil-konfront ta’ Jason Azzopardi.

B’solidarjetà ma’ min jitkellem għall-verità, inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna bħala Oppożizzjoni li trid tiġġieled il-qerq u l-arroganza tal-Gvern.

Justin Schembri huwa Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni fuq it-8 Distrett.
Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ġurnal ‘In-Nazzjon’ tal-Erbgħa 6 ta’ April 2016.