Lokali Qorti

Jason Azzopardi l-Qorti wara ċ-ċitazzjoni ta’ Peter Paul Zammit

• Persuni quddiem il-Qorti b’appoġġ lejn Jason Azzopardi
• Żgħażagħ Laburisti preżenti wkoll, biex jinstigaw
• Iż-żgħażagħ Laburisti jikkonfermaw li qegħdin hemm bil-barka tal-PM
• Simon Busuttil: Taqgħux għall-provokazzjoni
• Saviour Cachia: Id-dossier bil-files kellu aċċess għalih biss il-Kummissarju
• Is-sentenza għall-15 ta’ April

4.45pm: Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li s-sentenza dwar il-każ mistennija tingħata fil-15 ta’ April li ġej.

3.25pm: Wara waqfa ta’ ftit ħin, is-seduta kompliet bix-xhieda tax-Shadow Minister Jason Azzopardi, li fil-Qorti sostna li ma jiċħadx dak kollu li qal u jerfa’ responsabbiltà ta’ kliemu fil-kapaċità ta’ Shadow Minister. Qal ukoll li hu lest jirrepeti dak li qal, jekk ikun il-każ.

Mistoqsi mill-Maġistrat Mifsud, Jason Azzopardi qal li l-konferenza tal-aħbarijiet kienet ibbażata fuq l-istorja ppubblikata f’The Times of Malta u mhux fuq id-deċiżjoni tal-Kummissarju tad-Data, li ma kienx għadu wasallu. Fakkar li dakinhar tal-konferenza tal-aħbarijiet, l-Oppożizzjoni kienet qed titlob għar-responsabbiltà politika tal-Prim Ministru la Peter Paul Zammit kien qed iservi rwol pubbliku.

Filwaqt li qal li hu qatt ma qabeż il-linja l-ħamra, tant li qatt ma kkritika lil xi ħadd fuq ir-rwol privat tiegħu, Jason Azzopardi qal li ma mhux aċċettabbli li persuna f’pożizzjoni pubblika ma taċċettax li tkun kritikata.

Dwar it-tentattivi li jintlaħaq ftehim barra l-Qorti, ix-Shadow Minister qal li kien infurmat li Peter Paul Zammit kien kiteb lis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake biex il-Partit Nazzjonalista jitolbu apoloġija. Madankollu, hu qatt ma ġie avviċinat minn Zammit dwar din l-apoloġija.

Kompla jispjega li fi Frar li għadda, l-eks Kummissarju tal-Pulizija kien tah x’jifhem li qed jistenna apoloġija, b’Azzopardi jwieġbu li lest jaħseb fuqha. Madankollu, Zammit baqa’ ma aċċettax id-dikjarazzjoni ta’ kjarifika li kiteb Azzopardi u li kienet tinkludi kwotazzjonijiet mir-rapport tal-Kummissarju tad-Data.

Mistoqsi mill-ġdid minn Zammit għal ittra ta’ apoloġija, Jason Azzopardi qal li din ma setax jiktibha għax jemmen li kien ġust fir-rimarki li kien għadda. Min-naħa l-oħra, hu nnega wkoll li għandu xi kwistjoni personali mal-eks Kummissarju tal-Pulizija, għalkemm ġie kkritikah pubblikament fil-kariga ta’ Kummissarju.

Mistoqsi mill-Avukat ta’ Zammit, ix-Shadow Minister kkonferma li hu qal li kien Zammit li għadda l-file lill-media skont kif irrappurtat f’The Times of Malta. Dan il-punt reġa’ kien innutat ukoll mill-Qorti.

2.45pm: Xhud ieħor kien Saviour Balzan, Editur Maniġerjali ta’ MaltaToday, li fakkar kif dakinhar tal-konferenza tal-aħbarijiet kien mar jikkonfronta lix-Shadow Minister għax baqa’ jsostni li ma kienx l-eks Kummissarju tal-Pulizija li għaddielu d-dettalji. Dakinhar, hu kien allega wkoll li l-Kummissarju tad-Data lanqas biss ikkuntattjah.

Hekk kif ipprova jdaħħal lill-Ispettur Elton Taliana fil-każ, hu twaqqaf mill-Avukat Zammit Maempal u eventwalment mill-Maġistrat Joe Mifsud biex jibqa’ fuq is-suġġett tal-libell kriminali. Madankollu, Balzan kompla jitkellem dwar Taliana, filwaqt li reġa’ ċaħad li kien Peter Paul Zammit li għaddielu l-file.

2.25pm: Xehed ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija nnifsu, li qal li fix-xhur li għaddew kien hemm diversi tentattivi ta’ ftehim bejn iż-żewġ naħat. Spjega li malli sar jaf b’dak li qal Jason Azzopardi, ċaħad kategorikament. Ikkonferma li kien hemm kuntatt mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, għalkemm laħaq fetaħ il-libell kriminali.

Mistoqsi mill-Avukat Joe Zammit Maempal, li flimkien mal-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Jason Azzopardi, l-eks Kummissarju tal-Pulizija qal li meta kien għadu fit-tmexxija tal-Korp kien innota li file jinsab nieqes u beda ħidma biex dan jinstab. Innota li ma kien hemm l-ebda rendikont fejn seta’ mar il-file, tant li lanqas seta’ jikkonferma l-perjodu eżatt meta dan intilef.

1:50pm: Fl-Awla, il-Maġistrat Joe Mifsud ikkalma lil kulħadd u ordna lil min mhux involut fil-każ biex joħroġ. Fl-istess waqt hu appella lil dawk preżenti għall-kalma u biex jaġixxu b’mod ċivili. Mistoqsi mill-Qorti, Jason Azzopardi ddikjara li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.

L-ewwel li tela’ jixhed kien il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia, li ppreżenta r-rapport li wera ksur ta’ protezzjoni tad-data u li wassal biex l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit kien immultat €500.

Matul ix-xhieda, Cachia qal li fir-rapport ma kienx ċar minn għadda l-informazzjoni lill-gazzetta MaltaToday. Madankollu, aktar tard ikkonferma li l-files li ngħaddew lill-gazzetta kienu f’dossier li kellu aċċess għalih biss il-Kummissarju tal-Pulizija tal-ġurnata.

1.05pm: L-esponenti Laburisti, fosthom Uffiċjali tal-FŻL, u l-membri tal-media Laburista qed ikomplu bl-instigazzjoni fil-konfront ta’ dawk preżenti. Dan hekk kif dawk preżenti qed jistennew l-aħħar aġġornamenti, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista u x-Shadow Minister Jason Azzopardi daħlu fil-Qorti.

12.45pm: F’kumment lill-media u lil dawk preżenti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li filwaqt li fl-Iżlanda, il-Prim Ministru rriżenja wara biss 44 siegħa minn meta ħareġ ismu fil-Panama Papers, f’pajjiżna, 44 ġurnata wara li kien żvelat Panamagate, il-Prim Ministru Malti għadu m’għamel xejn dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri. Muscat baqa’ m’għamilx dak li kien fid-dmir li jagħmel, sostna Simon Busuttil. Hu fakkar fl-attakki li l-Partit Laburista għażel li jagħmel kontra esponenti tal-Partit Nazzjonalista, bit-tama li jagħlaq ħalq il-Partit.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jieqaf għal kull attentat tal-Gvern jekk dan jipprova jneħħi mqar waħda mill-billboards li jinsabu fit-toroq b’mod legali. Dwar il-każ kontra Jason Azzopardi, Simon Busuttil qal li din l-akkuża hi waħad infami u li tipprova tinitimida lill-Partit Nazzjonalista. Hu wieġeb ukoll għall-gideb li qed jagħmel il-Partit Laburista fil-konfront tiegħu billi fakkar li l-libell li qed jagħmel referenza għalih il-Partit Laburista seħħ 16-il sena ilu u kien intrebaħ minn Simon Busuttil innifsu.

Simon Busuttil temm billi appella lill-partitarji Nazzjonalisti biex ma jaqgħux għall-provogazzjoni ta’ Joseph Muscat u tal-Partit Laburista, anke minħabba l-preżenza taż-żgħażagħ Laburisti fil-post bil-barka ta’ Muscat.

Simon Busuttil jasal il-Belt Valletta u jidirizza lin-nies preżenti

Posted by NET News on Mittwoch, 6. April 2016

12.40pm: Mistoqsija jekk il-preżenza tagħhom quddiem il-Qorti hijiex approvata mit-tmexxija Laburista, iż-żgħażagħ Laburisti (Uffiċjali wkoll tal-Forum Żgħażagħ Laburisti) kkonfermaw li jinsabu hemm bħala fergħa tal-partit … f’konferma li din hi mossa provogattiva bil-barka tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

12.35pm: Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi jasal quddiem il-Qorti milqugħ b’ċapċip min-nies preżenti.

12.25pm: Hekk kif quddiem il-bini tal-Qorti qed jibdew jinġabru numru ta’ persuni b’appoġġ lejn ix-Shadow Minister Jason Azzopardi, wieħed jista’ jinnota wkoll il-preżenza ta’ żgħażagħ li jifformaw parti mill-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista.

Fil-post, ħafna qed jikkummentaw li l-preżenza ta’ dawn iż-żgħażagħ tista’ tkun biss biex jinstigaw. Fil-fatt, il-persuni fil-post talbu l-assistenza tal-Pulizija biex ikun evitat li l-preżenza taż-żgħażagħ Laburisti twassal għal xi inkwiet.

11.10am: Għall-ħabta tas-1pm, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi se jkun qed jitressaq il-Qorti b’akkuża kriminali ta’ malafama fil-konfront tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.

Meta żvela dan il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li dan hu att ieħor li juri kemm il-Gvern sar iddisprat u ta’ theddida għad-demokrazija ta’ pajjiżna. Mad-dħul fil-Qorti, ix-Shadow Minister mistenni jkun akkumpanjat minn Simon Busuttil innifsu, kif ukoll il-Viċi Kapijiet u numru ta’ Uffiċjali u Deputati tal-Partit.