Waqt li kompla jiddefendi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, il-Prim Ministru Joseph Muscat illejla qal li l-Gvern qed jisma’ mis-sentiment tal-poplu.
“Is-sentiment tal-poplu nagħrblu u nixtarru” ftaħar il-Prim Ministru waqt il-programm ‘Arena’ fuq l-istazzjon Laburista ONE. Iżda fl-istess intervista, Joseph Muscat kompla jiddefendi lil Konrad Mizzi u jgħid li dak li nkixef f’Panama Papers ikompli juri kemm Konrad Mizzi u Keith Schembri qalu l-verità. Dan minkejja Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li provaw jiftħu kontijiet bankarji f’Dubaj.
Joseph Muscat qal li kien iġiegħel lil Konrad Mizzi jirriżenja kieku ma ddikkjarax il-kumpanija sigrieta u t-trust li fetaħ is-sena li għaddiet, madanakollu bħalissa huwa ż-żmien li jiddikkjara.
Madanakollu, il-karti żvelati fl-iskandlu Panama Papers juru li l-kumpanija ‘Hearnville Inc’, propjetà ta’ Konrad Mizzi u l-kumpanija ‘Tillgate Inc’, propjetà ta’ Keith Schembri, twaqqfu fl-2013 – minn ‘ATC Administrators Inc’, kumpanija ta’ Mossack Fonseca. Mossack Fonseca tqabbdet minn Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jiftħuhom il-kumpaniji sigrieti tagħhom.
Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li flok ħabbar it-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, Joseph Muscat mar fuq is-Super One jiddefendi l-kumpaniji sigrieti li fetħu fil-Panama dawn l-aktar żewġ persuni viċin tiegħu.
Madanakollu, Muscat ħeba għal kollox il-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li għamlu pressjoni fis-sajf li għadda biex jiftħu kontijiet sigrieti fid-Dubaj u fil-Panama, u li qalu li riedu dawn il-kontijiet għal consultancy and brokerage, jiġifieri konsulenza u senserija.
Il-poplu Malti u Għawdxi mhux diskorsi fuq is-Super One jrid, imma li jitkeċċew Konrad Mizzi u Keith Schembri. Jekk se jibqa’ ma jkeċċihomx, Muscat għandu jitlaq hu.
Dwar dan kollu, nhar il-Ħadd li ġej, il-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jiprotesta quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
//= $special ?>

