Id-Deputat ġdid Nazzjonalista Karl Gouder beda t-tieni esperjenza tiegħu fil-Parlament meta llejla ħa l-ġurament bħala membru tal-Kamra tad-Deputati fil-bidu tas-seduta parlamentari tal-lejla.
Wara li ħa l-ġurament quddiem il-President tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrrugia, u fil-preżenza wkoll tal-familjari tiegħu, Karl Gouder ingħaqad mal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u ħa l-post li ħalla l-Professur Albert Fenech, li rriżenja minn membru parlamentari nhar is-Sibt li għadda minħabba xogħlijiet li se jkun marbut bihom fis-settur privat fejn se jkollu jibda jaħdem b’mod regolari barra l-pajjiż. Dan wara li l-Gvern preżenti kien waqqfu milli jkompli bis-servizzi tiegħu fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei.
F’diskors qasir li għamel wara li ħa l-ġurament, Karl Gouder qal li hu ta’ unur u privileġġ kbir għalih li jkun fil-Parlament u qal li dejjem ħass li hi l-isbaħ ħaġa meta tirrappreżenta lill-poplu li jeleġġih u qal li se jimxi b’lealtà lejn il-Kamra u b’onestà.
Spjega li għalkemm ikun hemm ċirkustanzi fejn fil-Kamra ma naqblux, l-argumenti għandhom ikunu dejjem fuq is-suġġett u mhux fuq il-persuna.
Irringrazzja lill-Ispeaker, u lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni għall-mozzjoni li tressqet fil-Parlament biex jieħu l-ġurament bħala Deputat tal-Kamra.
Irringrazzja wkoll lill-familjari u lill-partner tiegħu li kienu preżenti fil-Kamra għaċ-ċerimonja ta’ ġurament bħala Membru Parlamentari, u lir-residenti ta’ San Ġiljan li fl-aħħar snin servihom bħala Sindku u li issa se jkompli jirrappreżentahom fil-Parlament bħala membru fil-Parlament f’isem ukoll l-elettorat tal-10 distrett.
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kultura
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħatar lid-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder bħala Kelliem tal-Kultura. Ir-responsabbiltajiet tiegħu jinkludu l-arti, il-wirt kulturali, is-setturi tal-kreattività u l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
L-eks-Sindku ta’ San Ġiljan kiseb is-siġġu fil-Parlament wara li kien co-opted mill-Kunsill Amministrattiv u l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista minħabba li ma setgħetx issir elezzjoni każwali għar-raġuni li Albert Fenech kien elett fil-Parlament f’elezzjoni każwali fuq l-Għaxar Distrett elettorali wara li George Pullicino ċeda s-siġġu minħabba li kien ġie elett ukoll mid-Disa’ Distrett elettorali.
Karl Gouder serva diġà fil-Parlament fl-aħħar leġiżlatura bejn l-2010 u l-2013. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Karl Gouder kien l-aħħar kandidat tal-PN eliminat qabel il-Professur Albert Fenech fuq l-Għaxar Distrett.
//= $special ?>