Lokali Parlament

Konrad Mizzi ilu sentejn fil-Parlament jaħrab u ma jgħidx min huma l-persons of trust li ħatar kemm ilu Ministru

Id-Deputat Mexxej Laburista u Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi, li jinsab taħt pressjoni kbira biex jirriżenja wara li ssemma fl-akbar skandlu internazzjonali ta’ korruzzjoni li qatt inkixef permezz tal-ħruġ tal-Panama Papers, ilu aktar minn sentejn jaħrab milli jwieġeb dwar min kienu l-persuni li appunta fuq bażi ta’ position of trust kemm ilu Ministru minn Marzu 2013 sal-lum.

Fil-Parlament il-Ministru Konrad Mizzi din il-ġimgħa reġa’ wieġeb għall-aħħar mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, fejn reġgħet talbet biex il-Ministru jagħti l-informazzjoni, u wieġeb għal darb’oħra li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-istess mistoqsija parlamentari lill-Ministru Mizzi ilha ssir minn Frar tal-2014
Jirriżulta li l-istess mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Konrad Mizzi ilha ssir minn Frar tal-2014. B’kollox saru sitt mistoqsijiet parlamentari mix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Claudio Grech lill-Ministru Konrad Mizzi, kollha jitolbu biex tingħata l-istess informazzjoni minħabba li fit-tweġiba li tkun ingħatat ijl-Ministru Konrad Mizzi dejjem iwieġeb li l-informazjzoni tingħata f’seduta oġra jew li l-informazzjoni tkun gġadha qed tinġabar.

Sal-lum, il-Ministru Konrad Mizzi għadu jaħrab milli jwieġeb dwar min kienu l-persuni li appunta fuq bażi ta’ position of trust mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum.

Ħarab ukoll milli jgħid l-isem tal-persuna appuntata; il-pożizzjoni li ġiet appuntata fiha l-persuna; id-data li fiha ġiet appuntata l-persuna; min għażel lill-persuna; il-kwalifiki akkademiċi tal-persuna; x’inhuma s-salarju u l-benefiċċji kollha tal-persuna appuntata; min kien jokkupa l-pożizzjoni qabel, xi grad għandu llum u x’xogħol qed jagħmel illum; jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel,kenitx ġiet appuntata fuq il-bażi ta’ position of trust jew wara sejħa ta’ applikazzjonijiet; u jikkonferma jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel ġietx imġiegħla tbiddel ix-xogħol tagħha jew inkella talbitx hi stess għal dan.

L-istess mistoqsijiet ukoll kienu saru lill-Ministru li kien responsabbl mis-Saħħa, Godfrey Farrugia, li kellu r-responsabbiltà tas-saħħa qabel ma rriżenja mill-Kabinett ta’ Muscat, liema settur tas-saħħa l-Prim Ministru Muscat għaddih f’idejn ukoll il-Ministru Konrad Mizzi biex tah l-akbar portafoll meta fdalu s-settur tas-saħħa u s-settur tal-enerġija, u ħatru wkoll Deputat Mexxej Laburista fl-istess jiem li faqqa’ u kien żvelat l-iskandlu tal-kumpaniji u kontijiet sigrieti ta’ Konrad Mizzi fi New Zealand u l-Panama.