Filmati mis-sistema ta’ cameras mal-bini tal-Parlament u ta’ dak li xxandar fuq il-media jirriżulta li mhux minnu li d-Deputat Nazzjonalista David Agius imbotta lil ġurnalista tal-media Laburista kif allegat f’rapport li xandar din il-ġimgħa fuq il-media Laburista.
Dan jirriżulta minn ruling li ta llejla l-President tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, wara li lbieraħ il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius talab lill-Ispeaker jinvestiga rapport li xxandar fuq One News b’rabta ma’ konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil barra l-bini tal-Parlament din il-ġimgħa.
Ilbieraħ, David Agius talab lis-Sedja tinvestiga r-rapport li xxandar fuq il-media Laburista u biex jinvestiga wkoll kif il-ġurnalista Nicole Buttigieg qalet kliem li hu imbuttaha waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien dieħel fil-Parlament. David Agius iddikjara mal-Ispeaker li din hi gidba u talbu wkoll jara l-cameras tas-CCTV u jieħu l-passi meħtieġa.
L-Ispeaker qal fid-deċiżjoni li ta dwar dan il-każ, li s-Sedja rat erba’ filmati li minnhom irriżulta li, filwaqt li l-ġurnalista nstemgħet tgħid li imbuttaha David Agius, minn filmat minnhom kien identifikat li kienet persuna bi flok bi strixxi blu u griż, (mhux id-Deputat Nazzjonalista) li kienet inbuttat lill-ġurnalista Nicole Buttigieg.
Is-Sedja għamlet riferenza għar-regolamenti tal-Kamra u għal diversi rulings li ngħataw fuq talbiet b’rabta ma’ rapporti fuq il-media, u fissret li l-poteri tas-Sedja huma limitati fir-rigward ta’ rapporti fuq il-media kemm-il darba ma jkunx hemm rapport falz u li jkun sar b’intenzjoni fuq dak li jsir u jingħad fil-Kamra tad-Deputati.
L-Ispeaker irrimarka wkoll li l-allegat inċident ma seħħx fil-Kamra, iżda wara li spiċċat konferenza barra l-bini tal-Parlament.
//= $special ?>