Għawdex Lokali

Miżappropjazzjoni ta’ fondi mill-Ministeru għal Għawdex

Fl-eqqel tal-kriżi ta’ korruzzjoni u governanza skorretta li qed jiffaċċja l-Gvern, issa kien żvelat każ ta’ allokazzjoni ħażina ta’ fondi mill-Ministeru għal Għawdex. Każ żvelat minn The Times, li rrapporta li l-Ministeru għal Għawdex immexxxi minn Anton Refalo ma kienx trasparenti fil-mod kif alloka €50,000 lil numru ta’ għaqdiet volontarji.

Jirriżulta li fir-Rapport Annwali tiegħu ghall-2015, il-Kummissarju għall-Ghaqdiet Volontarji kkonkluda li l-Ministru Anton Refalo kien ferm ‘il bogħod mit-trasparenza fil-mod kif kienu allokati l-fondi lil organizzazzjonijiet li ma kienux jikkwalifikaw għall-finanzjament.

Il-Kummissarju Kenneth Wain ikkummenta ma’ The Times li investiga l-każ wara li sema’ lmenti dwar il-mod kif tqassmu l-fondi u kif ġew amministrati. Lill-Kummissarju Wain irriżultalu li kien hemm ksur qawwi tal-Liġi fil-mod kif il-fondi tqassmu.

Kenneth Wain qal li biex għaqda volontarja tkun eliġibbli għall-fondi, trid tkun irreġistrata mal-Uffiċċju tiegħu u tkun ippreżentat il-kontijiet awditjati kull sena biex ikun assigurat li l-amministrazzjoni tal-fondi tkun korretta, filwaqt li jkun hemm garanziji kontra l-abbużi.

Minkejja dan, is-sena li għaddiet, il-Ministeru għal Għawdex approva fondi lil għaqdiet volontarji li lanqs biss huma reġistrati. Wain ikkummenta li s-sitwazzjoni saret aktar inkwetanti, fejn l-assistenza finanzjarja ngħatat lil għaqdiet volontarji ineliġibbli. Dan sar filwaqt li kienu rrifjutati t-talbiet ta’ għaqdiet oħrajn li kienu eliġibbli.

Meta wieġeb għal mistoqsijiet ta’ The Times, il-Ministru Refalo ċaħad li kien hemm xi irregolaritajiet fl-amministrazzjoni tal-fondi. Madankollu, il-Kummissarju Wain qanqal aktar tħassib, fosthom li l-fond ta’ Għawdex kien irduppjat għal €90,000 u li ma kienx ċar jekk hux se tkun osservata l-Liġi fl-għoti tal-fondi ta’ din is-sena.

Jirriżulta li Wain iltaqa’ mal-Ministru Refalo biex tkun diskussa l-importanza li l-Liġi tkun osservata meta jkunu allokati l-fondi. Il-Professur Wain sostna li issa hu tard wisq biex il-fondi tas-sena li għaddiet ikunu ridistribwiti għax l-organizzazzjonijiet li ħaduhom diġà nefquhom.

Din għandha sservi ta’ lezzjoni, sostna l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, li staqsa għaliex l-applikazzjonijiet għall-fondi ta’ din is-sena għadhom ma ħarġux meta normalment dawn jinħarġu fil-bidu tas-sena. Il-Ministru għal Għawdex ma kellu l-ebda tweġiba għal dan.

Aktar kmieni din is-sena, kienet imnedija skema ġdida ta’ €700,000 għall-għaqdiet volontarji, fejn kull proġett ta’ għaqda volontarja jkun intitolat għal minimu ta’ €5,000 u massimu ta’ €25,000, bl-ammont jitla’ għal €60,000 jekk il-proġett isir bejn numru ta’ għaqdiet volontarji flimkien.