Internazzjonali

Proposta ta’ riformi għall-għoti ta’ kenn fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea fasslet sensiela ta’ alternattivi biex ikun hemm sistema aktar umana, imma fl-istess ħin effiċjenti, fl-għoti ta’ kenn lill-immigranti.
Hemm fehma ġenerali li s-sistema preżenti ta’ għoti ta’ kenn fl-Unjoni Ewropea falliet minħabba l-baħar ta’ nies li daħlu mill-Greċja f’dawn l-aħħar xhur.
Fost il-proposti li tressqu hemm dik li titneħħa r-regola li titlob li refuġjati jitolbu għal kenn fl-ewwel pajjiż li jkunu daħlu fih.
Peress li l-maġġoranza assoluta tal-immigranti li daħlu f’dawn l-aħħar tliet snin għamlu dan fl-Italja u l-Greċja, dawn iż-żewġ pajjiżi spiċċaw iġorr piż ferm akbar milli jifilħu.
Kemm l-Italja kif ukoll il-Greċja issa waqfu jirreġistraw l-immigranti li qed jidħlu fil-pajjiż u ħafna minn dawk li żbarkaw fil-Greċja minn Awwissu minnufih qabdu dik li tlaqqmet ‘ir-Rotta tal-Balkani’, li permezz tagħha jaslu sal-Ġermanja.
Hemm żewġ għażliet – jew li tinbidel ir-regola li l-immigranti li jidħlu huma responsabbiltà tal-ewwel pajjiż fejn ikunu daħlu biex ikun hemm aktar ġustizzja fuq ċerti pajjiżi, inkella din tiġi eliminata għalkollox u jkun hemm sistema fejn dawn jitqassmu skont sistema bejn it-28 pajjiż membru.
Barra minn hekk, biex ikun evitat ċertu abbuż, ċerti drittijiet lill-immigranti jingħataw bil-kundizzjonijiet li dawn jikkooperaw mal-awtoritajiet u li jibqgħu fil-pajjiż li jkunu daħlu fih l-ewwel.