Il-Kap tal-PN Simon Busuttil jingħaqad ma’ mijiet ta’ persuni b’appoġġ ma’ Jason Azzopardi
“Il-ġlieda tagħna hija għad-demokrazija” iddikkjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil quddiem il-Qorti, fejn flimkien ma’ mijiet ta’ persuni oħra, mar biex jagħti l-appoġġ tiegħu lix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi, li tressaq il-Qorti b’akkuża kriminali.
Din hija l-ewwel darba f’aktar minn 30 sena li membru tal-Oppożizzjoni tressaq il-Qorti akkużat dwar xi ħaġa li għamel waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Id-Deputat Jason Azzopardi wasal il-Belt Valletta fost ċapcip kbir minn dawk preżenti, li f’espressjoni ta’ solidarjetà b’għajjat u ċapċip, esprimew appoġġ għad-Deputat Nazzjonalista.
Akkumpanjat minn Jason Azzopardi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kritika l-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jattakka lil kull min qed jgħidlu biex jerfa’ r-responsabiltà wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama.
Fl-iskandlu tal-Panama Papers, il-Ministru Konrad Mizzi tniżżel ma’ aktar minn 140 politiku minn madwar id-dinja li użaw il-Panama biex jaħbu jew jaħslu l-flus f’kumpaniji sigrieti.
Fid-diskors tiegħu quddiem il-Qorti, Simon Busuttil fakkar kif il-Prim Ministru tal-Iżlanda rriżenja mill-kariga wara 44 siegħa li faqqa’ dan l-iskandlu, filwaqt li Joseph Muscat ilu 44 ġurnata jistenna biex jieħu azzjoni.
“Minflok għamel dak li hu d-dmir tiegħu, il-Prim Ministru ilu 44 ġurnata jattakka lil kull min ażżarda jgħidlu li għandu jerfa’ r-responsabbiltà” sostna Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni mhux se tħalli lill-Gvern Laburista ta’ Muscat jagħlqilha ħalqha.
Simon Busuttil wissa’ li l-intimidazzjoni mill-Gvern għadha għaddejja, tant li jidher li hemm kull intenzjoni biex il-Gvern iniżżel il-billboards politiċi li tella’ l-Partit Nazzjonalista.
Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wissa’ li l-Oppożizzjoni mhux se tħalli lill-Gvern jagħlqilha ħalqha.
Simon Busuttil qal li filwaqt li se jkun hemm rispett sħiħ lejn il-proċeduri ġudizzjarji, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled għad-demokraijza.
“Jekk illum nitilfu din il-kawża, aħna se nappellaw, u jekk nitilfu l-appell se mmorru quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” iddikkajra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li temm jgħid li din hija ġlieda għad-demokrazija.
//= $special ?>


