“Huwa fid-dmir ta’ kull persuna fil-politika kemm dik nazzjonali kif ukoll dik Ewropea li tikkundanna l-aġir kodard ta’ dawk il-politiċi u persuni pubbliċi li inqabdu fl-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers.” Qalet dan il-Membru tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew ġewwa Brussell.
Fi stqarrija il-Membru tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia żiedet tgħid li l-Panama Papers jixhdu bl-aktar mod ċar min fil-poter jaħseb li huwa ogħla minn nies u li kull politiku għandu jikkundanna u jiddistakka ruħu minn dawk li huma involuti għaliex il-fatt li persuni fil-poter jagħżlu li jkollhom aċċess għal strutturi użati minn min għandu l-bżonn li jaħbi l-flus hija diżrispett totali lejn dawk il-familji u ħaddiema kollha li jagħmlu kull sagrifiċċju biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom u lejn dawk in-negozji kollha li jsegwu l-liġi u prattiċitajiet ġusti.
Saħqet li kull min inkixef bil-Panama Papers qiegħed jimmina l-fiduċja fil-politika, fil-politiċi u f’persuni li jokkupaw karigi uffiċjali. B’referenza għal dak kollu li qed jintqal fi Brussell dwar l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u l-kap tal-uffiċju tal-Prim Ministru Keith Schembri, l-ewroparlamentari Nazzjonalista saħqet li l-aġir tagħhom ma jirrapreżentax lill-politiċi kollha, ma jirrapreżentax il-politika li jridu l-Maltin u ċertament ma għandux jirrifletti ħażin fuq dawk kollha li jipprovdu servizzi finanzjarji f’Malta. Hija żiedet tgħid li “l-unika konklużjonijiet li għandhom jittieħdu dwar in-nuqqas tal-Gvern Malti milli jieħu passi konkreti biex jiddistakka ruħu mill-Ministru Mizzi u Keith Schembri huma fil-konfront tal-istess gvern, u cioe li huwa gvern dgħajjef fit-trasparenza, fil-kontabbilità u l-etika politika. Iżda nistqarr magħkom kollegi Ewropej li f’Malta dawk li jipprovdu s-servizzi finanzjarji u l-poplu Malti mhumiex l-istess bħal Mizzi u Schembri.”
Bħalissa l-Panama Papers huwa fost l-aktar suġġett li qiegħed jiġi diskuss fi ħdan il-Parlament Ewropew, bil-gruppi politiċi jieħdu pożizzjoni qawwija kontra l-użu ta’ strutturi finanzjarji fil-Panama minn politiċi u persuni li jokkupaw karigi uffiċjali.
//= $special ?>