It-Tifla tal-ispeaker tal-Parlament, Caroline Farrugia Frendo nħatret uffiċjalment bħala Maġistrat.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca tat il-ġurament tal-ħatra lil Caroline Farrugia Frendo bħala Maġistrat.
Farrugia Frendo li għandha 32 sena ġiet nominata għal Maġistrat fi Frar ta’ din is-sena. Nomina li ġabet kontroversja kbira hekk kif skont l-Esperti Legali, n-nomina tagħha kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dan għaliex skont l-Artiklu 100 tal-Kostituzzjoni hemm stipolat li l-ebda persuna ma tkun tikkwalifika għall-kariga ta’ Maġistrat jekk ma tkunx eżerċitat bħala Avukat għall-perjodu ta’ mhux anqas minn seba’ snin. Madankollu, fil-każ ta’ Farrugia Frendo, dan il-punt ma ġiex rispettat u għalhekk in-nomina tagħha kienet invalida. Sal-lum, Caroline Farrugia Frendo kienet qed tagħmel xogħol ta’ Court Attorney.
Ma’ Caroline Farrugia Frendo kellha tinħatar Maġistrat oħral-Avukat Ingrid Zammit Young. Iżda n-nomina tagħha kellha tiġi rtirata għax wkoll kienet tmur kontra dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dan hekk kif Ingrid Zammit Young hi Chairperson tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi u għahekk il-Kostituzzjoni tgħid li persuna ma tistax tkun eliġibbli għal kariga pubblika qabel tliet snin minn meta tkun ħalliet il-kariga li kienet tokkupa. Zammit Young wkoll kienet nominata fi Frar li għadda.
Żewġ nomini li saħansitra ġabu tħassib anke mill-Kamra tal-Avukati kif wkoll minn diversi esponenti f’oqsma differenti tas-soċjetà Maltija.
Il-Gvern baqa’ jżomm sigrieta d-data tal-ħatra ta’ Caroline Farrugia Frendo bħala Maġistrat, tant li sa ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Owen Bonnici baqa’ ma weġibx meta din se tingħata l-ġurament. Barra minhekk, is-sejħa għall-istampa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni għall-ġurament ħarġet biss tliet sigħat qabel.
Fid-dawl tal-kontroversji kollha li qamu b’rabta ma’ dawn iż-żewġ nomini l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ressqet saħansitra abbozz ta’ liġi dwar kif għandhom isiru l-ħatriet tal-ġudikatura. Permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Partit Nazzjonalista enfażizza li l-ħatriet tal-membri tal-Ġudikatura għandhom isiru b’għażla aktar ġusta u trasparenti, filwaqt li jiġi assigurat ukoll li mhux biss issir ġustizzja, iżda l-ġustizzja tidher li qed issir.
Intant wara l-ġurament tal-ħatra, fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca appellat biex it-tfal ikollhom aċċess effettiv għas-sistema legali Maltija. Il-President qalet li fid-dawl tal-istrateġija għad-drittijiet tat-tfal għas-snin 2016 sa 2021, li għadha kemm tnediet mill-Kunsill tal-Ewropa, wieħed mill-pilastri ta’ dik l-istrateġija hu propju l-aċċess tat-tfal għall-ġustizzja. Marie Louise Coleiro Preca spjegat kif it-tfal iridu jkunu kapaċi jifmhu, jużaw u jafdaw is-sistemi legali li jipproteġu u jiffaċilitaw id-drittijiet umani tagħhom.
Preżenti għall-ġurament kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Prim Imħallef Silvio Camilleri li qal li l-ħatra tagħha bħala Maġistrat m’hix xi ħatra faċli filwaqt li awgurala serenita’ fil-ħidma tagħha bħala Maġistrat
//= $special ?>

