“Lil Konrad se nżommuh” – Kelliema Laburisti waqt il-Konferenza Ġenerali Laburista
“Lil Konrad se nżommuh!” iddikkjaraw kelliema Laburisti hekk kif bħalissa għaddejja l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista.
Dawn id-dikjarazzjonijiet saru fost ċapċip u għajjat ewforiku ta’ “Konrad, Konrad!” hekk kif bħalissa, il-Ministru u Deputat Mexxej Laburista jinsab taħt pressjoni kbira biex jerfa’ r-responsabbilta’ wara l-iskandlu tal-Panama Papers.
Malli tfaċċa fuq il-palk tas-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-folla ta’ partitarji Laburisti nfexxew f’ċapċip ewforiku li kompla sakemm Konrad Mizzi sab postu bilqgħeda qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-partitarji Laburisti saħanistra qamu bilwieqfa biex jilqgħu lil Konrad Mizzi.
Waqt il-Konferenza Ġenerali, Konrad Mizzi mistenni jagħmel l-ewwel diskors tiegħu bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. L-eks Deputat Mexxej Toni Abela deher bilqiegħda f’waħda mill-ewwel fillieri fis-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburisti.
Intant, waqt il-Konferenza Ġenerali tkellmu diversi kelliema li nfexxew f’tifħir lejn il-Gvern Laburista, partikolarment lejn il-Mexxej Laburista Joseph Muscat u lejn il-Ministru Konrad Mizzi. Spikka wkoll tifħir lejn mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.
//= $special ?>


