Din il-ġimgħa ħarġu aktar dettalji dwar il-famuża ‘Panamagate’ – issa ‘Panama Papers’ – li hi l-kwistjoni li fiha huma involuti direttament l-iktar nies qrib tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ossija d-Deputy Leader tal-Partit Laburista Konrad Mizzi, b’implikazzjonijiet ukoll fuq il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Kumpanija fil-Panama ma tinfetaħx għalxejn
Hu fatt li ħadd ma jagħmel xejn għalxejn. Kull min studja l-liġi sema’ bil-frażijiet ‘mens rea actus reus’. ‘Actus reus’ tirreferi għal att, xi ħaġa li ġrat, hu fatt, bħalma hu fatt li Konrad Mizzi fetaħ kumpanija fil-Panama. Min-naħa l-oħra, ‘Mens rea’ hija l-intenzjoni, il-ħsieb, ir-raġuni wara l-att – jiġifieri għaliex infetħet din il-kumpanija.
L-intenzjoni jafha biss dak li għamel l-att, jiġifieri Konrad Mizzi, iżda hemm barra kulħadd jaf għaliex jinfetħu dawn il-kumpaniji f’postijiet bħall-Panama – jinfetħu biex fihom jintefgħu flus mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu investigati sal-punt li l-att, u l-intenzjoni jiġu konfermati mingħajr ebda dubju.
Meta se jiddeċiedi li jkun onest Konrad Mizzi?
Iktar ma jkompli ma jkunx onest, jew ċar, mal-poplu, Konrad Mizzi iktar qed jagħmel ħsara lilu nnifsu u lill-Partit Laburista li jagħmel parti minnu. In-numru ta’ verżjonijiet li ħareġ bihom, jew kif l-istorja kompla jikkonfermaha (mhux jgħidha) biċċa wara l-oħra turi n-nuqqas ta’ onestà.
Konrad Mizzi qal li kien onest sa mill-bidu, iżda dan mhux veru. Dan għax Konrad Mizzi, sal-lum il-ġurnata, ikkonferma biss dak li kien inqabad jagħmel. L-ewwel ħarġet it-trust fi New Zealand, u kkonfermaha mingħajr ma semma l-kumpanija fil-Panama. Imbagħad wara ħarġet l-aħbar tal-kumpanija fil-Panama, u Mizzi kkonferma dan, mingħajr ma qal xejn fuq il-kont bankarju li pprova jiftaħ f’Dubaj. Għaliex Mizzi qed jaħbi dan kollu?
Id-dikjarazzjoni
Mizzi, u anke Joseph Muscat, qalu li kollox hu mnizzel fl-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-assi li Mizzi għadda lill-Prim Ministru. Iżda jekk inhu l-każ, għaliex ma qabadx u ppubblika d-draft li kien ikollha d-dettalji kollha? Il-Gvern jipprova jkun trasparenti biss meta jinqabad?
U d-dikjarazzjoni tal-assi wkoll tqajjem suspetti oħra. Minn mindu Ministru jibgħat kopja tad-dikjarazzjoni tal-assi lill-Prim Ministru?
Kurżità oħra dwar id-dikjarazzjoni: Fi Frar, il-Prim Ministru qal li d-draft tad-dikjarazzjoni tal-assi rċeviha ftit ġimgħat qabel, jiġifieri f’Jannar. Dan jikkuntrasta mal-fatt li l-istess Konrad Mizzi fl-2014 issottometta d-dikjarazzjoni tard filwaqt li s-sena l-oħra, fl-2015, kien l-aħħar membru tal-Kabinett li ssottometta d-dikjarazzjoni. Issa f’daqqa waħda, fid-dawl ta’ dan kollu, kien min tal-ewwel li ssottmettieha? Din id-darba meta għandu iktar x’jiddikjara, u allura jrid jara li jkun kollox korrett, lestieha qabel?
Iżda wara kollox, din id-draft rawha biss il-Prim Ministru u Konrad Mizzi. Kif jgħid il-Malti: isma’ bilfors u emmen jekk trid.
Triq waħda
Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom biss triq waħda – dik li jieqfu jagħmlu ħsara lil pajjiżna u jirriżenjaw. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Prim Ministru għandu biss it-triq li jkeċċihom. Jekk ma jagħmilx dan, allura l-aħjar triq tkun li jwarrab hu stess. Malta jixirqilha aħjar.
Joseph Muscat kemm-il darba kien jgħid li jrid ipoġġi lil Malta fuq il-mappa – iżda sfortunatament, hu u sħabu Keith Schembri u Konrad Mizzi poġġew lil Malta fuq il-mappa tal-korruzzjoni, flimkien ma’ lista sħiħa ta’ politiċi internazzjonali b’kumpaniji moħbija għall-ħasil ta’ flus, kriminalità u korruzzjoni.
//= $special ?>