ll-President tar-Russja, Vladimir Putin, ċaħad għal kull element ta’ korruzzjoni u sostna li l-avversarji tiegħu qegħdin jippruvaw ‘itellfu l-istabbilità ta’ pajjiżu’.
Putin kien qed jitkellem għall-ewwel darba mindu ħarġu l-leaks tal-Panama Papers – f’dan il-każ miljuni ta’ dokumenti kunfidenzjali f’idejn id-ditta legali Mossack Fonseca, li hi bbażata l-Panama.
Id-dokumenti żvelaw li persuni meqjusa bħala assoċjati kbar ta’ Putin huma fil-pussess ta’ numru ta’ kumpanniji offshore. Dan fost allegazzjonijiet li l-kumpanniji inkwistjoni setgħu ntużaw għall-ħasil ta’ flus.
Intant, Putin qal li ‘l-avversarji tal-Punent huma inkwetati bis-saħħa ta’ pajjiżu u, għaldaqstant, qegħdin jippruvaw jisfruttaw ċerta informazzjoni bl-iskop li jheżżu l-unjoni u s-solidarjetà (fir-Russja)’.
Il-leaks jirreferu għall-mużiċista Russu Sergei Roldugin, ħabib kbir tal-President tar-Russja u parrinu tat-tifla ta’ Putin, bħala l-proprjetarju ta’ żewġ kumpanniji offshore. Id-dokumenti sostnew li l-kumpanniji inkwistjoni kienu involuti f’negozju suspettuż, b’Roldugin ma jikkummentax dwar l-allegazzjonijiet.
//= $special ?>