Internazzjonali

Il-Papa se jżur l-immigranti fil-gżira ta’ Lesbos fis-16 ta’ April

Il-Papa Franġisku se jżur il-gżira Griega ta’ Lesbos fis-16 ta’ April, bl-iskop li jiltaqa’ mal-immigranti fl-inħawi. Iż-żjara qed titqies bħala ‘dimostrazzjoni ta’ tħassib’ għal kif l-Ewropa qed tieħu ħsieb il-kriżi umana, fiz-zona tal-Eġew.

Kelliema għall-Vatikan qalu li l-Papa kien mistieden biex iżur Lesbos mill-Patrijarku tal-Knisja Ortodossa, Bartholomew I. L-istess kelliema sostnew li l-istedina kienet ġest ta’ solidarjetà mal-immigranti, ħafna minnhom refuġjati mis-Sirja, li jinsabu f’Lesbos fi żmien diffiċli u drammatiċi għar-reġjun.

Il-Greċja, fl-aħħar jiem, bdiet tiddeporta l-immigranti lejn it-Turkija bħala parti minn ftehim politiku appoġġjat mill-Unjoni Ewropea.

Intant, l-immigranti li ma japplikawx għall-kenn politiku, inkella li jkollhom it-talba miċħuda, huma disposti li jispiċċaw iddeportati. Dan fost inkwiet li l-immigranti immarkati għal diportazzjoni jistgħu, ‘il quddiem, jinkludu vittmi tal-gwerer u l-persekuzzjoni li huma intitolati għal protezzjoni fuq livell internazzjonali.