Lokali

Il-UĦM se tattendi d-Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni

Il-UĦM Voice of the Workers ħabbret li se tkun qed tattendi d-Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni ta’ nhar il-Ħadd li ġej.

Kien nhar it-Tlieta li għadda li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar din id-dimostrazzjoni ta’ natura nazzjonali. L-għan tad-dimostrazzjoni hu li l-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu azzjoni wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, u jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.

F’stedina li l-UĦM bagħtet lill-media, hi qalet li għada se tkun qed tfiehem ir-raġunijiet għaliex se tattendi d-dimostrazzjoni.

Il-UĦM Voice of the Workers kienet waħda mill-organizazzjonijiet li kienet attendiet ukoll il-Protesta Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni tas-6 ta’ Marzu li għadda.

Id-Dimostrazzjoni Nazzjonali ssejjħet fid-dawl tan-nuqqas mill-Prim Ministru li jieħu azzjoni kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri minkejja li issa għaddew aktar minn 44 ġurnata minn mindu nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.