Internazzjonali

Intoppi fi Tripli għall-Gvern ta’ għaqda nazzjonali

Il-Gvern ġdid Libjan għall-għaqda nazzjonali u li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti, qed jiffaċċja sitwazzjoni kaotika wara li l-Prim Ministru tal-awtorità rivali, ibbażata fi Tripli,issa qed jirrifjuta li jċedi l-poter.
Dan meta l-Prim Ministru Khalifa Ghweil, li jmexxi l-Gvern fi Tripli appoġġjat mill-Iżlamiċi, ikkontradixxa aħbar preċedenti li l-Gvern tiegħu kien lest biex iwarrab u jħalli lill-Gvern għall-għaqda jiffunzjona minn Tripli.
Khalifa Ghweil ħareġ stqarrija fejn ħeġġeġ lill-Ministri tiegħu biex ‘jibqgħu fejn qegħdin waqt li jkomplu bil-missjoni tagħhom fl-interessi tal-liġi.’
Mhix ċara r-raġuni għalfejn Ghweil bidel fehmtu. Iżda l-aħħar żviluppi jirriflettu diżgwid fi ħdan l-Awtorità ta’ Tripli.
Qabel l-istqarrija ta’ Ghweil, Kobler kien ħeġġeġ biex il-poter jgħaddi kollu u mill-aktar fis f’idejn il-Gvern ġdid Libjan għall-għaqda nazzjonali. Hu wissa li l-paċi fraġli fi Tripli kapaċi tisfuma f’każ li l-Gvern ġdid Libjan ikun imxekkel milli jaqdi l-funzjoni tiegħu.
Ir-Rappreżentant tan-NU għal-Libja insista wkoll dwar l-importanza li l-Gvern Libjan ta’ Tobruk jidħol għal vot dwar jekk japprovax il-Gvern ġdid għall-Ftehim Nazzjonali (għall-għaqda) appoġġjat min-NU.