Lokali

Konrad Mizzi jitfa’ l-futur politiku tiegħu fuq spallejn Joseph Muscat

Il-Ministru Konrad Mizzi tefa’ l-ballun f’saqajn il-Prim Ministru Joseph Muscat meta llejla ddikkjara li se jibqa’ hemmek sakemm ma jiddeċidix mod ieħor Joseph Muscat.

Konrad Mizzi kien qiegħed jindirizza l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, l-ewwel diskors tiegħu bħala Deputat Mexxej Laburista.

“Inħoss li d-deċiżjonijiet għandhom joħodhom il-Prim Ministru” tenna Konrad Mizzi li żied li l-Prim Ministru hu fil-libertà li jqis il-kunsiderazzjonijiet kollha.

“Jien noqgħod għal kwalunkwe deċiżjoni li jieħu l-Prim Ministru” sostna Konrad Mizzi għaċ-ċapċip ta’ appoġġ mill-partitarji Laburisti li nġabru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Waqt id-diskors tiegħu Kornad Mizzi ammetta li hemm rabja fost il-poplu li qed jitkellem dwar l-iskandlu tal-Panama u qal li jiddispjaċih li hemm din ir-rabja.

Filwaqt li tefa’ l-ballun f’saqajn Joseph Muscat, Konrad Mizzi kompla jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu u kemm-il darba rrepeta li m’għamel xejn ħażin meta fetaħ ‘trust’ fi New Zealand u kumpanija sigrieta fil-Panama. Insista li għamel dan bħala ‘family planning’.

Dwar il-kont bankarju sigriet f’Dubaj li pprova jiftaħ, Konrad Mizzi qal li kontijiet m’għandux, iżda ammetta li pprova jiftaħ wieħed biex fih ipoġġi l-kirjiet tal-propjetà f’Londra.

Fil-bidu tal-indirizz tiegħu, Konrad Mizzi talab lill-partitarji Laburisti biex ma jċapċpux u jinterrompuh biex ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu bl-aktar mod ċar. Madanakollu, fi tmiem l-indirizz tiegħu, Konrad Mizzi ntlaqa’ b’ewforija ta’ għajjat meta qal li se jkun fuq quddiem nett fl-elezzjoni tal-2018.

Fi tweet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li bid-diskors tal-Ministru Konrad Mizzi fil-Konferenza Ġenerali tal-PL, issa hemm konferma li Joseph Muscat huwa 100% responsabbli għall-kriżi ta’ korruzzjoni f’Malta.

tweet kap pm responsabbli

Ikkummenta