Il-Gvern ta’ koalizzjoni Iżlandiż ħatar lil Sigurdur Ingi Johansson bħala Prim Ministru ġdid tal-Iżlanda, meta l-pajjiż għandu jidħol għal elezzjoni bikrija fil-ħarifa.
Johansson, li għandu 53 sena, hu l-Viċi-Kap tal-Partit Progressiv tal-Iżlanda u fl-aħħar xhur mexxa l-Ministeru tas-Sajd u Agrikoltura.
Il-ħatra ġdida tiegħu kienet ikkonfermata wara li Sigmundur Gunnlaugsson, iċ-Chairman tal-Partit Progressiv, warrab minn Prim Ministru tal-Iżlanda fid-dawl ta’ informazzjoni dwaru żvelata mil-leaks tal-Panama Papers. Il-leaks mid-ditta legali Mossack Fonseca żvelaw li Gunnlaugsson u martu huma proprjetarji ta’ kumpanija offshore li ma kenitx iddikjarata meta hu kien elett fil-Parlament, fl-2009.
Gunnlaugsson, f’dawn il-jiem, qal li kien biegħ l-interessi tiegħu fil-kumpanija lil martu. Iżda waqt li Gunnlaugsson ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina, hu spiċċa akkużat li kien ħeba assi tal-familja ekwivalenti għal miljuni ta’ dollari.
Sigmundur Gunnlaugsson hu wieħed biss fost għexieren ta’ personalitajiet ta’ profil internazzjonali li jissemmew fil-leaks ‘storiċi’ li jiddettaljaw sensiela ta’ rekords legali u finanzjarji.
Issa, l-Iżlandiżi mistennija jivvutaw għal Gvern ġdid fil-ħarifa, b’Johansson itenni li l-Gvern f’Reykjavik jeħtieġ ikompli jaħdem biex jibni fuq dak li twettaq fl-aħħar snin. Min-naħa tiegħu Gunnlaugsson ħareġ stqarrija fejn qal li hu, fil-fatt, ma rriżenjax u li ‘Johansson qed jassumi r-responsabbiltà ta’ Prim Ministru għal żmien mhux speċifikat’.
//= $special ?>