L-elettorat fl-Olanda ċaħad ftehim tal-Unjoni Ewropea, ibbażat fuq sistema ta’ partnership, bl-iskop li jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ mal-Ukrajna.
Waqt li dawk li marru jivvutaw fir-referendum kien għal aktar minn meħtieġ biex ikun legali, 32.2 fil-mija ta’ Olandiż, il-ftehim kien miċħud bi ftit aktar minn 61 fil-mija tal-voti, bi 38 fil-mija jivvutaw favur.
Il-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte, issa, qed jgħid li l-Gvern tiegħu jista’ jkollu jikkunsidra mill-ġdid dan il-ftehim, għalkemm il-vot fir-referendum mhux wieħed li jorbot lill-amministrazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko, insista li pajjiżu ‘għandu jkompli javviċina l-Unjoni Ewropea’. Fl-istess ħin, uffiċjali fil-Ministeru Ukren għall-Affarijiet Barranin, sostnew li r-riżultat tar-referendum fl-Olanda kien wieħed diżappuntanti filwaqt li tennew dispjaċir ‘li l-ewroxettiċi Olandiżi użaw lill-Ukrajna biex jesprimu nuqqas ta’ sodisafazzjon fl-UE’.
L-Olandiżi qed iqisu dan ir-referendum bħala prova għall-opinjoni pubblika fir-rigward tal-Unjoni Ewropea. Ir-referendum, fil-fatt, kien riżultat ta’ petizzjoni fuq l-Internet li saret fuq inizjattiva ta’ attivisti Ewroxettiċi u li attirat’il fuq minn 40,000 firma.
Ir-riżultat tar-referendum hu anki problema għall-Gvern Olandiż peress li l-Parlament fl-Olanda, is-sena l-oħra, kien irratifika l-ftehim għall-assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna.
Is-27 Stati l-oħra tal-Unjoni Ewropea diġà rratifikaw dan il-ftehim.
Meta tkellem dwar is-sitwazzjoni, il-Prim Ministru Rutte qal li, fil-fehma tiegħu, ladarba ħarġu jivvutaw’il fuq minn 30 fil-mija tal-elettorat u rebħu dawk li huma kontra l-ftehim mal-Ukrajna, ma jistax ikun li l-Gvern ikompli għaddej bir-ratifika tal-ftehim inkwistjoni mingħajr ma ssir diskussjoni.
Fl-istess ħin, hemm osservaturi li jgħidu li l-vot, fl-Olanda, li jiċħad il-ftehim għall-partnership mal-Ukrajna ma jirriflettix ir-realtà sħiħa u, għaldaqstant, ir-riżultat ma jistax jitqies bħala riflessjoni vera tal-livell ta’ ewroxettiċiżmu fost l-Olandiżi.
Il-vot fl-Olanda seħħ anqas min tliet xhur qabel iċ-ċittadini fir-Renju Unit jiddeċiedu jekk ikomplux jiffurmaw parti mill-UE waqt referendum speċifiku.
L-Olandiżi jivvutaw kontra ‘partnership’ bejn l-UE u l-Ukrajna
