Il-mozzjoni se titressaq bl-akbar sens ta’ responsabbilta’ fl-interess nazzjonali
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ippreżentat lill-ispeaker mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar dettalji dwar din il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’konferenza tal-aħbarijiet u se tkun qed tiġi diskussa fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla stess.
Simon Busuttil spjega li l-Oppożizzjoni qed tressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat bl-akbar sens ta’ responsabbilita u fl-interess nazzjonali għax pajjiżna ma jistax jibqa fl-isqaq li daħħalna fiha Joseph Muscat u żgur li ma jistax jibqa’ jzappap fuq sieq waħda għal sentejn sħaħ sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fil-mozzjoni, li kopja tagħha ntbgħatet lill-mezzi tax-xandir, il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li l-fatti dwar l-iskandlu Panama Papers issa huma stabbiliti u ma jista’ jmerihom ħadd tant li llum f’pajjiżna qed tirrennja inċertezza kbira. Pajjiżna jinsab ukoll taħt il-lenti internazzjonali, u dan kollu qed jitfa’ pressjoni fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan kollu peress li l-Gvern bħalissa jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni u li issa saret kriżi politika.
“Il-ħsara tant hi kbira li jitlaq Konrad Mizzi f’dan l-istadju mhuwiex biżżejejd” spjega Simon Busuttil li żied li f’dan l-istadju għandu jerfa’ r-responsabbilta’ l-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien hu stess li għażel lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u għaldaqstant jeħtieġ li f’dan il-mument jeħtieġ li pajjiżna jerġa’ jikseb dak li tilef.
“Joseph Muscat issa tilef kull awtorita’ morali u politika li jmexxi dan il-pajjiż,” sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni li fisser kif l-unika mod kif pajjiżna jista’ jerġa jirbaħ lura l-istabilita’ hija billi jkollu Gvern li għandu awtorita’ morali.
“Hija biss ir-riżenja tal-Prim Ministru f’dan l-istadju li tista terġa tagħti lura lill-poplu Malti u Għawdxi dak li tilef: l-istabilita u n-normalita’.”
B’risposta għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonailsta Simon Busuttil qal li tkellem mad-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia peress li diġa’ kienet qalet li qed tikkunsidra li tressaq mozzjoni ta’ sfiduċja. Hu appella wkoll lil kull min hu ta’ rieda tajba fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista biex jivvota favur din il-mozzjoni ta’ sfiduċja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm b’appell għad-Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni ta’ nhar il-Ħadd li ġej, biex kull min hu ta’ rieda tajba jqum għas-sejħa tal-pajjiż f’dan il-mument tant importanti.
//= $special ?>


