Is-sikkina li allegatament intużat fil-qtil ta’ raġel Serbjan f’appartament f’Buġibba fl-2014 instabet fil-qiegħ ta’ katusa dejqa tad-drenaġġ. Dan filwaqt li l-marki tas-swaba elevati minn fuqha ma kinux ċari biżżejjed biex jiffurmaw profil li jista’ jintuża biex ikun paragunat ma’ dawk ta’ raġel Bulgaru li jinsab akkużat fil-qtil.
Dan kien żvelat fil-ġuri ta’ Emil Atansov li joqgħod San Pawl il-Baħar li qed iwieġeb mhux ħati għall-akkuża li qatel lil Krstic Dragoljub, li kkaġuna feriti gravi lil Zoran Jocic u li kien fil-pussess ta’ sikkina meta wettaq dawn ir-reati.
L-akkużat qed isostni li kien qed jiddefendi lilu nnifsu wara li kien attakkat f’argument li nqala’ dwar mużika b’volum għoli bil-lejl. Fil-ġuri ntqal li sid il-post kien tefa’ l-main tal-elettriku wara li ripetutament kien qal lill-irġiel biex jieqfu jagħmlu storbju. Il-ġisem tal-vittma instab wiċċu ‘l fuq fit-taraġ bejn l-ewwel u t-tieni sular bil-blokk tal-appartamenti fi Triq il-Merluzz Buġibba.
Fil-ġuri inqrat l-istqarrija ta’ Jocic li fiha qal li hu u Dragoljub marru jilgħabu l-pool fejn kien hemm ir-raġel mill-Maċedonja. Hu qal li minħabba li kien inqata d-dawl u allura ma setgħux idoqqu mużika huma bdew ikantaw kanzunetti Maċedonjani. Jocic qal li ma jafx għaliex l-akkużat ingħaqad magħhom għaliex ma kienx parti mill-grupp tagħhom. Jirriżulta li l-akkużat iġġieled mal-vittma. Wara din il-ġlieda Jocic mar isejjaħ għall-għajnuna għaliex il-vittma kien muġugħ ħafna.
//= $special ?>
