Ewropa Lokali

Is-Soċjalisti Ewropej ma jistgħux jiddefendu lill-Gvern Laburista li jinsab fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja

F’ittra lil Gianni Pittella, il-Kap tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa irrimarka li quddiem dak li qed iseħħ fil-pajjiż, il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi ma jistgħux jappoġġjaw lill-Gvern Laburista Malti li jinsab fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja.

Fl-ittra tiegħu David Casa rrefera għall-kawża kriminali li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit għamel kontra d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u qal li l-Assistent Kummissarju Neville Aquilina xehed li l-Pulizija nnfisha ma kinitx konvinta mill-provi li kellha kontra Jason Azzopardi iżda kien l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li ta l-parir biex jittieħdu passi kriminali kontra Jason Azzopardi.

Irid ikun ikkunsidrat li l-Avukat Ġenerali hu l-avukat ewlieni tal-Gvern Malti. Għalhekk, irrimarka David Casa, kif jista’ jingħad li dan hu każ ippreżentat minn sempliċi ċittadin? Hu aktar minn ċar li dan hu każ li warajh hemm il-Gvern bl-iskop li jattakka lill-Oppożizzjoni.

“Ħa nkun ċar Sur President. Int għażilt li tiddefendi Gvern li jinsab fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja. Dan il-Gvern qed jagħmel bil-maqlub li int u l-grupp tiegħek tiġġieldu għalih fi Brussell. Każ ċar hu l-iskandlu tal-Panama”, sostna David Casa.

B’referenza għall-istqarrija ta’ Pittella li fiha kkundanna lill-persuni assoċjati mal-iskandlu tal-Panama, David Casa qal li quddiem dawn il-fatti l-Ministru tal-Enerġija u l-Uffiċjal Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jirrifjutaw li jirreżenjaw. Fuq dan kollu l-Prim Ministru jibqa’ jiddefendiehom minn fuq s’isfel.