Wieħed mit-terroristi li tajjru lilhom infushom waqt l-attakki tat-22 ta’ Marzu, mill-ISIS, fi Brussell, għamel żmien jaħdem bħala cleaner fil-bini tal-Parlament Ewropew.
Kelliema għal din l-Istituzzjoni tal-UE qalu li r-raġel kien dam xahar jagħmel xogħol ta’ tindif fil-Parlament matul is-sajf tal-2009 u xahar ieħor fl-istess bini, fl-2010. Il-Parlament Ewropew tenna li s-suspettat ma kellux rekord kriminali meta kien impjegat mal-kumpanija li ngħatat il-kuntratt għax-xogħol tat-tindif, fil-bini partikulari.
Filwaqt li l-individwu ma ssemmiex b’ismu, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li dan kien Najim Laachraoui, li kien tajjar lilu nnifsu, flimkien ma’ aggressur suwiċida ieħor, fl-ajruport ta’ Brussell waqt l-attakki koordinati tat-22 ta’ Marzu fil-kapitali Belġjana. Dakinar seħħet ukoll splużjoni suwiċida fil-metro ta’ Brussell, bi 32 persuna jitilfu ħajjithom b’riżultat tal-aggressjoni ‘kollettiva’ mill-ISIS.
Wieħed mit-terroristi ta’ Brussel kien jaħdem fil-Parlament Ewropew
