Internazzjonali

Ħajja diffiċli għall-ISIS fil-Libja

Il-ġellieda tal-ISIS ‘irduppjaw’ il-preżenza tagħhom fil-Libja fl-aħħar sena u nofs, u llum jammontaw għal bejn 4,000 u 6,000 element. Madankollu, jidher li l-gruppi tal-milizji lokali qed jirreżistu lill-ISIS b’mod pjuttost effettiv waqt li qegħdin jagħmlu għat-terroristi f’Benghazi, kif ukoll fl-inħawi ta’ Derna u Sabratha.
Il-Ġeneral Amerikan David M. Rodriguez, li se jispiċċa minn kmandant tal-United States Africa Command (AFRICOM), qal li l-milizji qegħdin, ftit jew wisq, ‘irażżnu l-preżenza tal-ISIS fil-Libja’. Dan meta l-fortizza tal-ISIS tinsab fil-belt ta’ Sirte, bit-terroristi jkollhom ukoll preżenza f’Derna u Benghazi, lejn il-Lvant u f’Sabratha lejn il-Punent.
Rodriguez, li ikkwota lis-servizzi sigrieti Amerikani, qal li l-milizji qed ‘jikkuntestaw l-iżvilupp tal-ISIS f’diversi reġjuni tal-Libja’. Dan meta l-firxa tal-ISIS fil-Libja inkwetat lill-Gvernijiet tal-Punent li jibżgħu li t-terroristi jistgħu jieħdu vantaġġ mill-kaos politiku tal-pajjiż biex jaħtfu medda kbira ta’ art, bħalma seħħ qabel, fl-Iraq u s-Sirja.
Intant, il-Ġeneral Rodriguez imminimizza l-possibbiltà li l-ISIS fil-Libja jwettaq offensiva kbira mill-bażi ‘lokali’ u jaħtaf setturi sħaħ tal-pajjiż bħal fil-każ ta’ dawk iż-żewġ il-pajjiżi.