L-Istorja ewlenija fil-ġurnal IN-NAZZJON hi dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat imressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama Papers, Joseph Muscat issa tilef kull awtorita’ morali u politika li jmexxi dan il-pajjiż. Rapport ieħor fl-ewwel faċċata hu dwar il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista li fiha, il-Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Konrad Mizzi tefa’ l-ballun f’saqajn il-Prim Ministru
TIMES OF MALTA wkoll jasal għall-konklużjoni li Konrad Mizzi xeħet ir-responsabbilta’ ta’ x’għandu jiġri fil-konfront tiegħu fuq il-Prim Ministru. Fl-ewwel faċċata ta’ Times of Malta hemm rapport dwar artiklu miktub mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fil-faċċata ta’ wara tal-istess ġurnal u li fih joħroġ ċar kemm il-Kap tal-Istat tinsab inkwetata dwar il-klima politika fil-pajjiż bħalissa.
THE MALTA INDEPENDENT jirrapporta dwar id-diskors ta’ Konrad Mizzi li fih jidher li tefa’ l-ballun f’saqajn Joseph Muscat. Storja oħra hi dwar Brian Tonna, li jmexxi l-kumpanija Nexia BT li tat il-parir lil Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jiftħu kumpaniji fil-Panama. Brian Tonna hu wkoll l-uniku azzjonist tas-sussidjarja f’Malta tal-kumpanija legali Mossack-Fonseca, li tinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu Panama Papers
L-ORIZZONT jiddedika parti kbira mill-ewwel faċċata għax-xhieda tal-eks Ministru Joe Cassar fil-kawża ta’ libell li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fetaħ kontra l-gazzetta tal-GWU IT-TORĊA dwar allegazzjonijiet li saru waqt laqgħa ma’ Joe Gaffarena. Il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista hi msemmija permezz ta’ ritratt bl-ewwel faċċata bit-titlu “Merħba tremenda għal Konrad Mizzi”
//= $special ?>