Internazzjonali

Il-Papa dwar it-tqarbin għad-divorżjati

Pope Francis adjusts the hat of a baby before celebrating Mass in Campobasso, Italy, July 5. The pope was visiting the Italian region of Molise. (CNS photo/Giampiero Sposito, Reuters) (July 7, 2014) See POPE-MOLISE July 7, 2014.

Il-Papa Franġisku, permezz ta’ dokument ġdid li ħareġ il-Ġimgħa, witta t-triq biex fost oħrajn,il-Kattoliċi ddivorzjati li żżewwġu għat-tieni darba jingħataw mill-ġdid is-sagramenti.

Il-Kap tal-Kattoliċi jsostni, permezz tad-dokument, li dawn in-nies ‘iridu jkunu aktar integrati ’ meta hu wkoll neċessarju li wieħed jevalwa ‘l-forom ta’ esklużjoni li jistgħu jingħelbu’.

Il-Papa qal li biex wieħed iħares ‘il quddiem irid jittratta każi individwali waqt li jżomm f’moħħu li ‘l-livell tar-responsabbiltà għall-falliment taż-żwieġ mhux l-istess fil-każi kollha’.

Id-dokument, Amoris Laetitia, li jipproduċi linji-gwida ġodda dwar il-ħajja tal-familja li, wkoll, jippreżentaw l-argument li l-Knisja għandha tipprova tifhem aktar ir-realitajiet tallum u tibbaża fuq dak li ħareġ xhur ilu minn żewġ Sinodi li saru f’Ruma. Id-dokument għalkemm ma jibdilx id-duttrina Kattolika, twitti t-triq għall-Isqfijiet f’kull pajjiż biex jinterpretaw id-duttrina b’mod li jaqbel mal-kultura tagħhom.

Il-Papa Franġisku jtenni wkoll, li m’għandhiex issir diskriminazzjoni mal-omosesswali, iżda jgħid li l-unjoni bejn l-omosesswali ‘ma jifformax parti mill-pjan ta’ Alla’. Hu kompla li l-omosesswali ‘jridu jkunu rispettati u trattati b’mod dinjituż, waqt li s-soċjetà taċċerta li huma ma jbatux minn forom ta’ vjolenza u aggressjoni’

Madankollu, il-Kap tal-Kattoliċi qal li ‘ma teżisti l-ebda bażi għal analoġija, żgħira kemm hi żgħira, bejn unjoni omosesswali u l-pjan ta’ Alla dwar iż-żwieġ u l-familja’.

Il-Kap tal-Kattoliċi, mill-ġdid ikkonferma li l-Knisja hi kontra l-abort u l-ewtanasja, waqt li sostna li ‘l-familja tipproteġi l-ħajja fi kwalunkwe fażi u sat-tmiem’. Għaldaqstant, il-Papa japprova sitwazzjonijiet fejn it-tobba joġġezzjonaw dwar l-ewtanasja skont il-kuxjenza fejn fakkar lil kulmin jaħdem fis-settur tas-saħħa ‘dwar l-obbligu morali li jipprotesta kontra t-teħid tal-ħajja skont il-kuxjenza’.
Id-dokument, fl-istess ħin, jenfasizza li l-Knisja Kattolika hi kontra l-piena tal-mewt .