Lokali

“Il-poplu se jesprimi r-rabja għal Joseph Muscat fid-dimostrazzjoni tal-Ħadd” – Simon Busuttil

Waqt id-Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, il-poplu Malti u Għawdxi se jesprimi r-rabja tiegħu għal Joseph Muscat. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illejla waqt il-programm Newsfeed.

“Il-problema hawn hu Joseph Muscat għax Joseph Muscat qed iħalli dan kollu għaddej u qed jiddefendi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri” sostna Simon Busuttil li żied li ma jistax ikun li l-pajjiż jibqa’ sejjer hekk.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-iskandlu tal-Panama Papers isegwi katina sħiħa ta’ skandli oħra, li jikkonferma kif il-Gvern qabeż kull limitu.

“Aħna qed ngħidu lil Joseph Muscat biex jerfa’ r-responsabbilta’ int. Żied li ma jistax li l-pajjiż jibqa’ jitmexxa minn bniedem li qed jagħlaq għajnejh għal każijiet ċarissimi ta’ irregolaritajiet.

Simon Busuttil qal li d-Dimostrazzjoni se tkun indirizzata minn persuni barra mill-Partit Nazzjonalista, u li wkoll jinsabu rrabbjati u ddiżgustati bl-aġir tal-Gvern. Aġir li għalih qed ikollu jbati l-pajjiż, partikolarment is-settur finanzjarju u s-settur tal-gaming li jħaddmu eluf ta’ persuni.

“Ma nistax nifhem kif jista’ jkun hemm Prim Ministru li minflok ma jħares lejn l-interess nazzjonali, iħares lejn l-interss tiegħu personali bħala Prim Ministru u l-interess politiku tal-partit tiegħu.”

Simon Busuttil temm jgħid li d-dinja qed tħares lejn Malta u jeħtieġ li jkun hemm xi ħadd li juri li l-Maltin huma favur politika nadifa.